Internazzjonali

Jibda l-pellegrinaġġ annwali tal-Iżlamiċi fl-Arabja Sawdija

 

Madwar 1.5 miljun Musulman bdew il-pellegrinaġġ annwali tagħhom, magħruf bħala l-Hajj, f’dan il-pajjiż, fejn, din is-sena, qegħdin jiffaċċjaw miżuri tas-sigurtà akbar wara l-iffullar traġiku li kien sewa l-ħajja ta’ ‘il fuq minn 2,000 persuna waqt il-pellegrinaġġ tas-sena l-oħra.

Id-devoti, fil-preżent, qegħdin jivvjaġġaw bil-mezzi tat-trasport, u anki bil-mixi, lejn l-inħawi ta’ Mina, fost is-sħana insapportabbli.

Il-miżuri tas-sigurtà ġodda, li jinfurzaw l-ilbies ta’ ID bracelets, qed isiru biex jevitaw aktar konsegwenzi traġiċi waqt il-Hajj, li hu wieħed mill-akbar laqgħat reliġjużi li qatt isiru fid-dinja.

Madankollu, għexieren ta’ eluf ta’ Musulmani Xiti mill-Iran mhumiex jattendu l-pellegrinaġġ ta’ din is-sena minħabba t-tensjoni akuta mal-Arabja Sawdija, fejn il-maġġoranza tar-residenti huma Musulmani Sunniti.