Internazzjonali

Kritika Ġermaniża għas-summit tal-Istati Mediterranji tal-UE

Numru ta’ politiċi fil-Ġermanja komplew jesprimu t-tħassib wara li l-Mexxejja tal-Istati Mediterranji imsieħba fl-Unjoni Ewropea kkonkludew il-mini-summit fuq tema ‘UE-Mediterran’ bl-iffirmar tad-Dikjarazzjoni ta’ Ateni.

Il-Mexxejja tal-pajjiżi tal-Mediterran, fosthom il-Prim Ministru ta’ Malta, Joseph Muscat, waqt is-summit tal-Greċja, impenjaw ruħhom, fost oħrajn, għal ‘rieda komuni lejn Ewropa magħquda’. Madankollu, ma naqsitx il-kritika mill-politiċi tal-Ġermanja, b’uħud jgħidu ċar u tond li mhumiex komdi dwar iċ-ċirkustanzi tas-summit.

Wieħed minn dawn il-politiċi, Gunther Oettinger, li hu l-Kummissarju għall-Ekonomija Diġitali u s-Soċjetà fil-Kummissjoni Ewropea, wissa li ma jservix tajjeb għall-Ewropa ‘jekk kemm il-darba jiżdied id-distakk bejn l-Istati-membri tal-UE li għandhom problemi kbar ta’ baġit u pajjiżi oħrajn (tal-UE) bi kwistjonijiet fiskali minimi’.

Id-deputat parlamentari Ewropew, Markus Ferber, min-naħa tiegħu, insista li l-Ewropa teħtieġ tikkonsolida l-għaqda fi żmenijiet pjuttost inċerti wara l-vot storiku tar-Renju Unit biex ma jiffurmax aktar parti mill-Unjoni ta’ pajjiżi.

Il-politiċi Ġermaniżi jinkwetaw, fuq kollox, li l-pajjiżi Mediterranji u tan-Nofsinar jistgħu jheddu l-istabbilità finanzjarja tal-UE bl-aġir tagħhom.

Fl-aħħar tas-summit f’Ateni, il-Prim Ministru Grieg, Alexis Tsipras, qal li l-pajjiżi parteċipanti għandhom obbligu biex iressqu l-ideat dwar kif  huma jistgħu jegħlbu l-isfidi  u fejn, fl-istess ħin, ‘iwieġbu għas-sentimenti ta’ nazzjonaliżmu u xenofobija’. Hu sostna li l-Istati tal-Mediterran se jkomplu jservu bħala ‘inizjattiva għal djalogu’.

Tsipras, qabel , kien insista li l-pajjiżi Ewropej tal-Mediterran qed iġorru l-akbar piż fil-kriżi tar-refuġjati, minbarra li qed ibatu kriżi tas-sigurtà u fl-ekonomija. Fl-istess ħin, il-Prim Ministru Grieg, uża l-mini-summit biex ikompli bil-messaġġ kontra l-awsterità.

Il-President ta’ Franza, Francois Hollande, ukoll insista dwar il-ħtieġa għall-għaqda u qal li l-Istati tal-Mediterran jistgħu jikkontribwixxu għal djalogu utli għall-Ewropa u li jgħin għat-tisħiħ tas-sigurtà u l-prosperità tal-kontinent.

Il-President ta’ Ċipru, Nicos Anastasiades, qal, sadanittant, li l-Istati tal-Mediterran jistgħu jikkontribwixxu ħafna għad-djalogu fl-Ewropa filwaqt li ċaħad li l-mini-summit ta’ Ateni sar ‘bl-iskop li jiżviluppaw il-gruppi fi ħdan l-UE’.

Il-Prim Ministru Taljan, Matteo Renzi, qal li dan is-summit kien organizzat biex ifassal il-futur fl-Ewropa, qabel is-summit tal-UE li se jsir fi Bratislava, fis-Slovakkja. ‘L-Ewropa ta’ għada trid titfassal fuq l-Ewropa soċjali u Ewropa mibnija fuq l-ideat’, kompla Renzi.

Il-Prim Ministru tal-Portugall, wara s-summit, tenna li l-Mexxejja jeħtieġu jirriflettu u jikkonsolidaw politika barranija komuni waqt li jappoġġjaw il-kontinent tal-Afrika. Meta tkellem dwar ir-refuġjati, Costa qal li l-Portugall jemmen ‘fil-qsim tar-responsabbiltajiet’ f’sitwazzjonijiet fejn pajjiż idaħħal ir-refuġjati fit-territorji tiegħu.

Il-Prim Ministru ta’ Malta, Joseph Muscat, qal li s-summit ta’ Ateni kellu l-ħsieb li jinstabu soluzzjonijiet bl-iskop li l-pajjiżi jiffaċċjaw aħjar il-futur. Hu saħaq li hu ‘jappoġġja lill-UE u l-Pjan ta’ Juncker (il-President tal-Kummissjoni Ewropea)’ filwaqt li żied li ‘ilha żmien minsija l-Ewropa li hi mibnija fuq il-binarji soċjali’.