Internazzjonali

Lejn sanzjonijiet ġodda kontra l-Korea ta’ Fuq

Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti qabel li jibda jfassal is-sanzjonijiet ġodda kontra l-Korea ta’ Fuq wara li l-Istat komunista wettaq il-ħames prova nukleari. Il-prova partikulari qed tissemma bħala l-akbar waħda s’issa min-naħa tar-reġim fi Pyongyang.

Id-deċiżjoni ttieħdet waqt laqgħa urġenti tal-Kunsill tas-Sigurtà magħmul minn 15 il-Stat u wara li l-Korea t’Isfel akkużat lir-reġim komunista fi Pyongyang dwar ‘ossessjoni u nuqqas ta’ responsabbiltà kbira’ b’konnessjoni mal-prova li saret minkejja l-oppożizzjoni tal-komunità internazzjonali.

Il-Ġappun kien fost l-ewwel pajjiżi li pprotestaw bl-aħrax dwar l-aġir ta’ Pyongyang, filwaqt li ċ-Ċina, li hi magħrufa bħala alleata tal-Korea ta’ Fuq, sostniet li ‘hi assolutament kontra’ din il-prova nukleari tal-Koreani komunisti.

Ir-reġim fi Pyongyang, din is-sena, wettaq żewġ provi nukleari minkejja l-projbizzjoni speċifika tan-Nazzjonijiet Uniti kontra dawn l-inizjattivi mill-Korea ta’ Fuq.

L-analisti, illum, jaqblu li l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, qed isir dejjem aktar aggressiv bi kliemu, bit-tensjoni fil-Penisola Koreana tibqa’ akuta.

Qabel il-laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li saret wara bibien magħluqa, l-Ambaxxatur tal-Istati Uniti, Samantha Powers, qalet li l-Korea ta’ Fuq qed taħseb biex ‘tipperfezzjona’ l-armi nukleari tagħha, flimkien mal-mezzi li jgħinu biex Pyongyang ‘jiffissa l-mira fuq il-pajjiżi li jixtieq’. Hi kompliet li l-Korea ta’ Fuq qed taħseb ‘biex iżżomm lir-reġjun u lid-dinja bħala ostaġġi taħt it-theddida ta’ attakk nukleari’.