Lokali

Muscat għandu jagħti aċċess u protezzjoni lil kull min jista’ jagħti dettalji ġodda dwar l-iskandlu tal-visas mediċi

“Fid-dawl tal-allegazzjonijiet serji li saru dalgħodu, l-Prim Ministru għandu, b’mod immedjat, jagħti aċċess u protezzjoni lil kull min jista’ jagħti dettalji ġodda dwar l-iskandlu tal-visas mediċi”. Hekk saħaq fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista hekk kif ġie żvelat li Ministri Maltin għandhom f’idejhom korrispondenza minn Ministri Libjani, li jinkludu talba biex Ministri Libjani jiġu Malta biex jingħataw aktar dettalji dwar il-ħlasijiet li qed isiru fil-ħruġ tal-visas mediċi lil persuni Libjani.

Il-Partit Nazzjonalista qal li Prim Ministru serju ma jiddefendix lil min allegatament wettaq korruzzjoni ta’ eluf ta’ ewro, iżda juża l-poteri kollha li tagħtih il-liġi biex jassigura li l-verità dwar dan l-iskandlu toħroġ kemm jista’ jkun malajr, u li l-Pulizija tinvestiga bis-serjetà, biex min wettaq il-korruzzjoni, iħallas għal għemilu quddiem il-ġustizzja.

Sa issa, kompla jgħid il-Partit Nazzjonalista, Muscat għażel li jiddefendi lil min allegatament hu involut f’dan l-iskandlu. Quddiem id-dettalji żvelati dalgħodu, Muscat għandu jassigura li min jaf id-dettalji dwar dan l-iskandlu, jingħata l-protezzjoni u l-aċċess li jiġi Malta u jikxef il-verità tkompli tgħid l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li dan l-iskandlu jikkonferma r-rabta bejn il-poter f’Kastilja u l-kriminalità, hekk kif aktar ma jgħaddu ġranet, aktar qed jiġu żvelati li dan l-iskandlu hu ferm akbar minn dak żvelat sa issa, u li jinkludi korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-poter.