Lokali

In-Nazzjon b’appoġġ għal kampanja ta’ Radio 101

Ilum u għada Radio 101 qiegħed jorganizza kampanja ta’ għoti ta’ demm fl-istudios. Kampanja li qegħda ssib l-appoġġ ukoll, fost oħrajn, tal-ġurnal In-Nazzjon f’kampanja li hija parti minn kampanja internazzjonali b’risq id-donazzjoni tad-demm.

Mhuwiex żball għalhekk l-ittri neqsin fil-header tal-lum tal-ġurnal. Huma parti minn inizjattiva li l-ġurnal qiegħed jieħu biex jappoġġja l-attività li Radio 101 qiegħed jorganizza.

B’sinjal ta’ appoġġ, u għaliex In-Nazzjon ukoll temmen bis-sħiħ u tappoġġja l-kampanja kontinwa f’pajjiżna u mad-dinja kollha biex aktar nies u individwi jsiru donaturi tad-demm u jagħmlu dan fuq bażi regolari, il-gazzetta qed twaqqa’ l-ittri ‘a’ u ‘o’ fil-header ta’ In-Nazzjon b’turija ta’ appoġġ favur il-kampanja organizzata minn Radio 101.

Internazzjonalment, l-ittri ‘A’,‘O’ u ‘B’ huma assoċjati mad-demm u mal-appelli li jsiru mad-dinja kollha biex jingħata d-demm – l-aktar dawk it-tipi ta’ demm li huma rari. Mingħajr l-As, Bs u Os, aħna m’aħna xejn. Dan jippromovuh b’saħħa kampanji madwar id-dinja li kontinwament jappellaw u jmexxu ideat favur l-għoti tad-demm u biex aktar donaturi jwieġbu għall-appelli meta tkun qiegħda tonqos il-provista u l-ħażna tad-demm.

Intant l-appell huwa sabiex illum u għada, b’ġest ta’ solidarjetà kull min jista’ jingħaqad fl-inizjattiva ta’ Radio 101 ma’ dawk li għandhom bżonn id-demm.

Illum hemm ħaddieħor li għandu bżonn id-demm, iżda għada tista’ tkun int.

nazzjon faccata 10 sep