Il-proposta sabiex ikun żviluppat kiosk biswit ir-rotunda tal-Mosta qegħda tkompli tqajjem aktar rabja fost ir-residenti Mostin u qegħda tkompli tiġġenera aktar reazzjonijiet negattivi.
Il-Kunsill Lokali tal-Mosta minn naħa tiegħu b’mod unanimu ddeċieda li jopponi t-tqegħid ta’ kiosk ftit passi bogħod mir-Rotunda bis-sindku tal-Mosta Edwin Vassallo jgħid li dan il-kiosk se jkun kiosk li se jitqiegħed b’mod permanenti, f’spazju li ilu jintuża mir-residenti għal snin twal.
Kienu bosta l-politiċi mill-Mosta li esprimew tħassib serju dwar din il-proposta. Il-minority leader Laburista u kandidat għal elezzjoni ġenerali Alex Muscat fuq Facebook kkonferma l-appoġġ tiegħu għad-deċiżjoni tal-kunsill lokali li jopponi dan il-kiosk.
Il-Kap tal-Media Laburista Jason Micallef ma’ qgħadx idur mal-lewża u ddeskriva l-proposta bħala ġennata mill-kbar, oxxena u kriminali.
Anke d-deputati Nazzjonalisti eletti mill-Mosta David Agius u Charlo Bonnici esprimew t-tħassib tagħhom. Il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius filwaqt li esprima appoġġ għal Kunsill Lokali tal-Mosta saħaq li kull min imur fil-pjazza tal-Mosta għandu jsib post miftuħ u nadif li jirrispetta l-valur mprezzabbli tar-Rotunda. Anke d-deputat Nazzjonalista Charlo’ Bonnici esprima t-tħassib tiegħu wkoll filwaqt li saħaq li huwa faċli li din il-proposta fl-aħħar mill-aħħar tispiċċa f’restaurant fil-miftuħ li jeqred l-ispazju liberu.
Jispikkaw għalhekk il-kummenti tad-deputat Laburista Anthony Agius Decelis, ukoll mill-Mosta, li fuq il-portal tal-General Workers Union Inews sostna biss li wieħed irid jara x’inhu tajjeb għal komunita’ tal-Mosta filwaqt li spjega li s-settur privat irid jitħalla jieħu l-inizjattivi.
Kummenti li l-ambigwita’ tagħhom wasslu għal rabja kbira u bosta mistoqsijiet fost ir-residenti Mostin. Residenti li tkellmu ma’ Net News qalu li hija stramba kif Agius Decelis, kontra kull vuċi oħra, naqas milli jkun ċar dwar din il-proposta. Staqsew dwar x’raġuni jista’ jkun hemm sabiex Agius Decelis bħal donnu kważi kważi jgħati l-appoġġ tiegħu għal din il-proposta permezz tas-skiet jaqta’ b’sikkina.
L-istess residenti qalu li filwaqt li kullħadd għażel li dwar din il-kwistjoni jingħaqad f’oppożizzjoni unita Agius Decelis qiegħed jispikkaw fil-posżzzjoni tiegħu.
//= $special ?>