Rapporti minn Franza rreferew għal ‘sejba oħra’ ta’ karozza suspettuża li jingħad li kien fiha żewġ ċilindri tal-gass. Is-sejba saret qrib ta’ sinagoga, fil-belt tal-port ta’ Marsilja, lejn in-nofsinar tal-pajjiż.
L-awtoritajiet li marru fl-inħawi qrib is-sinagoga ta’ Bar Yohaye ( li tinkorpora ċentru komunitarju) mal-ewwel għalqu l-aċċessi għaz-zona ladarba lemħu ċ-ċilindri fil-vettura. Ma kien hemm l-ebda informazzjoni dwar is-sid tal-vettura.
L-inċident seħħ ġimgħa wara li karozza oħra biċ-ċilindri tal-gass fuq ġewwa, tħalliet viċin il-Katidral ta’ Notre Dame, f’Pariġi. Sadanittant, tliet nisa, li kienu mmexxija minn mara ta’ 19 il-sena li ħalfet lealtà lill-ISIS, spiċċaw arrestati b’konnessjoni ma’ dik is-sejba.
Sar magħruf li dawn it-tliet nisa kienu qed jippjanaw attakk fuq l-istazzjon tal-ferrovija ta’ Gare de Lyon, li jinsab anqas minn tliet kilometri ‘il bogħod mill-Katidral ta’ Notre Dame.
Dan meta l-awtoritajiet Franċiżi anki qed jinvestigaw konnessjonijiet bejn in-nisa arrestati u attakki li saru dan is-sajf minn militanti Iżlamiċi fi Franza.
L-awtoritajiet fi Franza qed jesiġu biex il-pajjiż jibqa’ josserva sitwazzjoni ta’ allert wara li l-ISIS sejjaħ biex is-sostenituri tiegħu jattakkaw l-interessi tal-Franċiżi, bi tpattija għas-sensiela tal-attakki mill-ajru li qed isiru, bħalissa, fuq il-bażijiet tat-terroristiċi fl-Iraq u s-Sirja.
Il-Kap tas-servizzi sigrieti domestiċi ta’ Franza, Patrick Calvar, wissa dwar ‘forom ġodda ta’ attakki (fi Franza)’ fejn l-aggressuri jħallu tipi ta’ tagħmir splussiv viċin is-siti pubbliċi li jattiraw il-folol kbar, fl-ibliet prinċipali tal-pajjiż.
//= $special ?>