Lokali

Skandlu tal-Visas Mediċi: Akkuzi serji fil-konfront tal-Gvern

Ħames Ministri Libjani, li lesti jiġu Malta biex jiżvelaw dettalji dwar l-iskandlu tal-visas mediċi mhux jinħarġulhom il-permessi tal-visas, bl-iskop ikun li l-informazzjoni tibqa’ taħt it-tapit u ma ssirx magħrufa.

Dan żvelah Ivan Grech Mintoff, mill-Alleanza Bidla, li fl-aħħar ġimgħat kien qed joħroġ sensiela ta’ dettalji ġodda dwar l-iskandlu tal-visas mediċi. F’konferena tal-aħbarijiet, Grech Mintoff, għamel akkużi mill-iktar serji fil-konfront tal-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali.

Grech Mintoff ikkundanna lill-awtoritajiet li s’issa ma laqgħux it-talba għall-protezzjoni mill-persuna li qed tikxef id-dettalji dwar dan l-iskandlu. Dan wara li l-istess persuna, li kellu kuntatti diretti mal-Prim Ministru Joseph Muscat, għal darbtejn ġie mhedded, anke b’familtu, fosthom ħajjet uliedu.

Ivan Grech Mintoff qal li l-awtoritajiet, immexxija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, qed jinqdew bil-media, fosthom One, l-Orizzont, l-inews u l-Malta Today biex jitfgħu sensiela ta’ ħmieġ u gideb bl-għan li jtappnu l-kredibilità tal-whistleblower u dawk kolha li qed jikxfu dan l-iskandlu.

Kompla li dan qed isir bl-għan li ssir talba minn awtoritajiet mhux rikonoxxuti għall-estradizzjoni ta’ din il-persuna lejn il-Libja, bl-iskop li jisparixxi. U b’hekk, il-verita’ tibqa’ mistura.

Madankollu Ivan Grech Mintoff wissa’ li kemm-il darba dan iseħħ, l-istorja ma tiqafx hawn għaliex hemm ħafna xhieda, li l-ammont tagħhom jaf jitla’ saħansitra għal 100 persuna, li lesti jiżvelaw iżjed dettalji.

Iżda qal li dawn il-persuni, fosthom ħames Ministri Libjani, mhux jinħarġilhom permess biex jiġu f’Malta bl-iskop li dak li għandhom jgidu jibqa’ mistur. Qal ukoll li ħafna Libjani f’Malta qed jibżgħu jitkellmu għax jinsabu taħt theddida li jiġi revokat il-permess ta’ residenza tagħhom.

Fid-dawl ta’ dan sfida lill-awtoritajiet biex jinvestigaw sew, jew inkella jekk qed jigdeb, kif il-ġurnalisti tal-Partit Laburista qed jipruvaw jagħtu x’wieħed jifhem, allura jiftħulu libell.

Fil-fatt, il-konferenza tal-aħbarijiet kienet ittimbrata wkoll mill-aġir tal-ġurnalista ta’ One News, f’attentat biex il-mexxej ta’ Alleanza Bidla – li jiġi n-neputi tal-eks Prim Ministru Dom Mintoff – joħroġ ta’ giddieb.

Għalhekk hu sfida lill-Gvern mill-ġdid biex jekk m’għandux x’jaħbi jfittxu b’libell għal dak li qed jgħix u allura jtih l-opportunità li jressaq lix-xhieda kollha. L-istess xhieda li l-Gvern ma jridx joħorġilhom permess biex skont hu ma jikxfux il-korruzzjoni li għaddejja … mhux biss dwar il-visas mediċi imma wkoll dwar skandli oħra.

Sfida wkoll lill-istazzjon tal-Partit Laburista, One, biex fid-dawl tal-akkużi li qed jagħmel jistednuh għal diskussjoni u jtenni mill-ġdid l-akkużi li qed jagħmel.