Internazzjonali

15-il sena mill-attakk ta’ 9/11

Ħmistax-il sena ilu, grupp ta’ terroristi ħatfu l-kontroll ta’ erba’ ajruplani tal-passiġġiera, fejn tnejn minnhom ddaħħlu f’żewġ torrijiet tal-World Trade Centre fi New York, fl-Istati Uniti. Ajurplan ieħor ddaħħal fil-Pentagon ftit il-barra minn Washington, u r-raba’ ajruplan twaqqa’ fl-għelieqi f’Pennsylvania.

L-attakk, li se jibqa’ mniżżel bħala waħda mill-akbar ġranet suwed fl-istorja tal-Istati Uniti, ħalla 2,977 persuna mejta – ġurnata li fiha sar l-akbar attakk terroristiku fuq l-Istati Uniti.

Fil-11 ta’ Settembru 2001, 19-il raġel ħatfu 4 ajruplani – fejn r-responsabilta’ ta’ dan l-attakk ħadu l-mexxej tal-grupp terroristiku Al Qaeda, Osama bin Laden. Dan il-mexxej terrorista Għarbi llum hu mejjet wara operazzjoni mill-militar Amerikan, fejn waqt missjoni sigrieta rnexxielihom isibuh u joqtluh fuq il-post waqt li kien mistoħbi fil-Pakistan.

Fi New York, fit-torrijiet tal-World Trade Centre mietu 2,753 persuna fejn ż-żewġ ajruplani binu-numru tat-titjiriet 11 u 175 kienu intenzjonalment daħlu fit-torrijiet. L-ewwel ajruplan daħal fin-North Tower fid-8.46 ta’ filgħodu b’veloċita’ qawwija ta’ 466 kilometru s-siegħa. It-tieni ajruplan daħal madwar għoxrin minuta wara fid-9:03 fis-South Tower. Minbarra l-vittmi fuq l-ajruplan u ġewwa t-torrijiet -tilfu ħajjithom waqt ħidma ta’ salvataġġ 343 ħaddiem tad-Dipartiment tat-tifi tan-nar, 23 uffiċjal tal-Pulizija ta’ New York u 37 tal-awtorita’ tal-Port.

Fil-Pentagon mietu 184 persuna, fejn fid-9.37 ta’ filgħodu l-ajruplan bit-titjira numru 77 iddaħħal fil-bini ftit il-barra mill-kapitali tal-Istati Uniti.

Fl-10.03 ta’ filgħodu, r-raba’ ajruplan, bit-titjira numru 77, allegatament tniżżel mit-terroristi fl-għelieqi f’Pennsylvania wara li l-passiġġiera u l-ekwipaġġ ingħaqdu flimkien biex jippruvaw jieħdu lura l-kontroll tal-ajruplan. Id-destinazzjoni ta’ dan l-ajruplan qatt ma saret magħrufa.

Illum fl-Istati Uniti mistennija jsiru diversi attivitajiet b’tifkira ta’ dak li seħħ ħmistax-il sena ilu. Il-ġurnata tal-11 ta’ Settembru 2001 żgur li se tibqa’ mfakkra bħala l-ġurnata li kexkxet id-dinja.