Lokali

Arrestati żewġ żgħażagħ li kissru l-ħġieġ u daħlu ġo ħanut tax-xorb

Matul il-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu, inqabdu żewġ żgħażagħ li kisru l-ħġieġ ta’ ħanut tax-xorb f’San Pawl il-Baħar u daħlu ġewwa. Il-Pulizija ġiet infurmata bil-każ permezz ta’ telefonata anonima, fejn irrapurtaw li xi ħadd mhux magħruf kien għadu kemm kisser ħġieġa ta’ bieb ta’ ħanut tax-xorb.

Il-Pulizija marru minnufih fil-post indikat lilhom u ċioe` Triq il-Ħalel, San Pawl il-Baħar fejn sabu xi ħġieġ imkisser fuq il-bankina tal-istess bar. Jirriżulta li hekk kif waslu fuq il-post, il-Pulziija daħlu fil-bar, fejn ħareġ żagħżugħ ta’ 17-il sena minn ġo kamra li kien mistoħbi fiha. Ftit wara l-Pulizija sabet żagħżugħ ieħor li għandu 16-il sena u li wkoll kien mistoħbi f’kamra fuq wara tal-istess bar.

Iż-żewġ żgħażagħ, it-tnejn residenti San Pawl il-Baħar ġew arrestati u qegħdin jinżammu mill-Pulizija għall-iktar stħarriġ.

Minn iktar investigazzjonijiet li saru rriżulta li ma kien insteraq xejn mill-bar.

Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjoni tagħha fuq il-każ.