Minkejja li t-tanker tal-gass suppost jinsab fi triqtu lejn Malta, jew aħjar skont il-pjani oriġinali ilu li wasal, il-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta għadu lanqas biss iddiskuta x’impatt se jkollu dan il-proġett fuq is-south ta’ Malta.
Id-diskussjoni saħansitra ġiet posposta minkejja li kienet suġġeriment għall-aġenda mill-kunsillier f’isem il-Partit Nazzjonalista għal Marsaskala, u membru tal-istess Kunsill, Charlot Cassar. Dan għaliex, fi kliem iċ-Chairman ta’ dan il-Kunsill, Silvio Parnis, l-aġenda tal-Kunsill għal din il-laqgħa kienet twila ħafna.
Dan wassal għal kritika minn Charlot Cassar li lmenta mill-fatt li l-Kunsill li suppost jieħu ħsieb il-bżonnijiet tan-nies tas-South, għadu lanqas iddiskuta proġett bħal dan li tant se jkollu impatt fuq din iż-żona.
Staqsa wkoll jekk Silvio Parnis jemminx li l-proġett se jibqa’ jiġi pospost ladarba ma nħassitx daqshekk urġenza li ssir id-diskussjoni.
Fid-dawl ta’ dan kien suġġerit li ssir laqgħa fil-qrib biex jiġi diskuss l-impatt tat-tanker kbir li se jitpoġġa fil-bajja ta’ Marsaxlokk.
Fuq suġġeriment ta’ Charlot Cassar, matul din il-laqgħa li għandha ssir fi żmien ġimgħatejn se jkun hemm preżentazzjoni dwar l-impatt, minn diversi aspetti, li se jkollu dan il-proġett.
//= $special ?>