Lokali Unjoni Ewropea

Il-vot ta’ Alfred Sant jagħmel id-differenza għal Leo Brincat fl-Ewropa

Kien il-vot ta’ Alfred Sant li għamel id-differenza fir-riżultat tal-grilling quddiem il-kumitat tal-Parlament Ewropew għal Leo Brincat – dan minkejja li l-Kap tad-Delegazzjoni Laburista m’huwiex membru fil-kumitat u għaldaqstant mhux normali jkollu vot.

Filfatt, Alfred Sant lanqas biss huwa wieħed mis-sostituti ta’ dan il-kumitat tal-Parlament Ewropew – iżda xorta irnexxielu jikseb vot biex japprova lill-eks Ministru tiegħu, Leo Brincat.

Żvelat dan il-gazzetta The Malta Independent, fejn ikkonfermat li normalment il-vot tal-kumitat tal-Parlament Ewropew jittieħed mill-membri prinċipali tal-kumitat. Iżda meta għal xi raġuni l-membri ma jkunux jistgħu jattendu għall-vot, membri mill-gruppi sostituti jieħdu post il-membri nieqsa. Madanakollu, l-ebda Membru Ewroparlamentari Malti ma hu fil-kumitat u lanqas fil-grupp ta’ sostituti.

Meta l-kumitat ma jsibx sostitut għal membru nieqes – jiskatta l-proċess fejn il-koordinatur tal-kumitat jaħtar kwalunkwe Membru Parlamentari Ewropew bid-dritt tal-vot, fejn għal xi raġuni intgħażel Alfred Sant.

rizultat leo brincat

Il-gazzetta The Malta Independent qalet li mhux ċert x’wassal għal din id-deċiżjoni, iżda milli jidher il-membri tal-grupp Soċjalist fil-kumitat għamlu l-matematika tal-voti u irrealizzaw li kien hemm bzonn ta’ xi ħadd li jivvota favur Leo Brincat minħabba li l-istorja setgħet spiċċat ferm differenti minn kif seħħ.

B’hekk, grazzi għall-vot tal-eks Mexxej Laburista Alfred Sant – Leo Brincat ġie approvat bi sbrixx mill-kumitat bi 11-il vot favur, 9 kontra u astenzjoni. Issa jmiss li Leo Brincat jaffaċċja l-vot tal-Parlament Ewropew.