L-Assoċjazzjoni tal-Infermiera Psikjatriċi (MAPN) qed tappoġġja lir-rappreżentanti tal-professjoni medika li esprimew tħassib dwar l-allegati irregolaritajiet relati mal-elezzjonijiet għall-Kunsill tal-Infermiera u l-Qwiebel.
Fi stqarrija l-MAPN enfasizzat l-importanza tat-trasparenza u l-proċess demokratiku fl-elezzjoni tal-kunsill li jirregola l-professjoni tal-infermiera f’Malta u qalet li hu ta’ tħassib li hemm dubju dwar dawn il-prinċipji fil-konfront tal-elezzjonijiet imsemmija. Dan juri wkoll nuqqas ta’ organizzazzjoni u impenn biex l-infermiera kollha reġistrati jkollhom l-opportunità li jivvutaw.
L-MAPN sostniet li ħafna infermiera lanqas biss kienu jafu li se ssir l-elezzjoni, aħseb u ara kemm kienu se jivvutaw. Bla dubju li sempliċi avviż fuq il-Gazzetta tal-Gvern mhux il-metodu ideali biex tkun ċirkolata informazzjoni dwar l-elezzjonijiet.
Diversi membri tal-MAPN ilmentaw ukoll min-nuqqas ta’ informazzjoni fuq il-website tal-Kunsill tal-Infermiera u l-Qwiebel li mhix ta’ livell ta’ websites ta’ organizzazzjonijiet oħra. Minbarra dan l-infemiera psikjatriċi lanqas biss huma rikonoxxuti sew fuq il-Kunsill u għandhom biss rappreżentant wieħed li jrid jinqasam ma’ setturi sepċjalizzati oħra fis-settur. L-MAPN sostniet li wasal iż-żmien li din is-sitwazzjoni tinbidel jekk il-Kunsill irid jibqa’ rappreżentattiv tal-popolazzjoni tal-infermiera Maltin. L-MAPN sostniet li f’Malta n-numru ta’ infermiera psikjatriċi hu iktar minn dik tal-infermiera u l-qwiebel.
L-Assoċjazzjoni laqgħet b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Ministru tas-Saħħa li jappunta inkjesta biex tinvestiga l-allegati rapport ta’ irregolaritajiet fl-elezzjoni u għall-appoġġ espress minn rappreżentanti oħra tal-professjoni medika.
//= $special ?>