“Il-Gvern m’għandu ebda informazzjoni li saru xi kuntatti uffiċjali kif isir normalment bejn gvern u ieħor.”
Dan joħroġ minn stqarrija maħruġa mill-uffiċċju tal-Prim Ministru, ftit sigħat wara li Ivan Grech Mintoff għamel konferenza tal-aħbarijiet fejn żvela li Ministri Libjani huma fost għexieren ta’ persuni li jridu jixhdu kontra Neville Gafa fl-iskandlu tal-ħruġ ta’ visas mediċi.
Iżda mill-ġdid, ta’ Kastilja, immexxija mill-Prim Ministru ħarġu mgiddba. Dan hekk kif l-istqarrija ntiża li tpinġi bħala giddieb lil Ivan Grech Mintoff, in-neputi tal-eks mexxej Laburist Dom Mintoff, kienet imgiddba bil-provi.
B’reazzjoni għall-istqarrija tal-Uffiċju tal-Prim Ministru, Ivan Grech Mintoff ippubblika sensiela ta’ dokumenti uffiċjali, ittimbrati u ffirmati, li juru kif fil-verità saret komunikazzjoni kemm ma’ Neville Gafa kif ukoll mal-Uffiċju tal-Prim Ministru.
Fl-ewwel dokument il-Kunsill Presidenzjali tal-Gvern għall-Għaqda Nazzjonali javża lill-Prim Ministru Joseph Muscat li Al-Habib Mohamed Al-Amin m’għadux iktar ix-Charge d’Affairs tal-Ambaxxata Libjana għal Malta, iżda minfloku nħatar Hussin Musrati.
Madankollu, sa llum, il-Gvern Malti għadu jniżżel lill-eks Charge d’Affairs Al-Amin bħala l-persuna li għadu jokkupa din il-kariga.
Al-Amin hu l-istess persuna li l-għada li tneħħa mill-kariga, mar għand il-midja lokali qrib il-Partit Laburista u ta intervista fejn iħammeġ lill-whistleblower tal-iskandlu tal-visas.
Alleanza Bidla ppublikat ukoll dokumenti oħra li jgiddbu lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru meta jgħid li ma kienx hemm komunikazzjoni uffiċjali. Dokument ieħor minn dawk ippubblikati hu ndirizzat lil Neville Gafa, fejn il-Gvern Libjan jitolbu għall-ħruġ ta’ permess biex ħames uffiċjali jiġu f’pajjiżna u jżuru lill-pazjenti li qed jingħataw il-kura.
It-tielet dokument hu bl-Għarbi, ippublikat mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Istat Libjan.
Fid-dawl ta’ dawn il-provi, li jgiddbu għal kollox l-istqarrijiet tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, l-istqarrija ta’ Alleanza Bidla tfakkar kif il-Gvern jiftaħar li għandu relazzjoni tajba mal-Libja, iżda fl-istess waqt injora t-talbiet uffiċjali u diplomatiċi għal rikonoxximent ta’ Musrati bħala Charge d’Affairs.
Fl-istqarrija, Alleanza Bidla qalet li l-attentati tal-Gvern li jwaqqa’ l-krediilità ta’ Ivan Grech Mintoff se jfallu għaliex hemm iżjed dokumenti u provi x’jiġu ppublikati.
Ivan Grech Mintoff fakkar ukoll li fil-waqt li mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru qed jipprovaw iħammġu r-reputazzjoni tiegħu, l-istess nies offrewlu xogħol biex jagħlqulu ħalqu. Hu diġa sfida lill-awtoritajiet Maltin biex jekk jaħsbu li hu qed jigdeb u m’għandux provi ta’ dak li qed jgħid, allura jiftħulu libell.
B’hekk hu jkun jista’ jsejjaħ bħala xhieda anke lil min il-Gvern Malti mhux iħalli jidħol f’pajjiżna biex jixhed fil-każ tal-visas mediċi u jikxef iżjed dettalji dwar dan l-iskandlu.