Lokali

“Nirnexxu Lkoll Flimkien: il-bidu ta’ viżjoni politika ġdida għal Malta” – Simon Busuttil

“Fil-ġranet li ġejjin, se nibdew mixja politika mill-Fosos tal-Floriana biex nibnu pajjiż li fih nirnexxu lkoll flimkien. Dan hu li rrid li jkunu l-festi tal-Indipendenza fuq il-Fosos: il-bidu ta’ viżjoni politika ġdida għal pajjiżna”, hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’artiklu li kiteb fil-gazzetta ‘Il-Mument’.

Fl-artiklu tiegħu, Simon Busuttil kiteb dwar kif fl-aħħar tliet snin rajna korruzzjoni bla preċedent li ħolqot diżugwaljanza kbira f’Malta – fejn il-korrotti saru miljunarji waqt li l-bqija jbatu tnaqqir fil-kwalita’ tal-ħajja u dħul staġnat li mhux ilaħħaq mal-għoli reali tal-ħajja. Kompla, li hu għandu viżjoni differenti – dik li min imexxi iservi u jqassam il-ġid tajjeb.

Simon Busuttil qal li jrid pajjiż fejn il-politika ssir minn nies li jidħlu għaliha biex ikunu ta’ servizz ġenwin għal ħaddieħor, l-aktar għan-nies li huma f’qagħda dgħajfa. Stqarr li t-tema li l-Partit Nazzjonalista għażel għal festi tal-Indipendenza ‘Nirnexxu Lkoll Flimkien’ tappella wkoll għal ħaddiema, biex ntejbu l-pagi u anke l-industriji f’pajjiżna.

Is-sigurta’ hi l-ewwel dmir tal-Istat, stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, u għalhekk li ninkwieta meta nara s-sigurta’ mhedda fi skandli diversi ta’ eluf kbar ta’ visas mogħtijin b’korruzzjoni u allura bl-ebda ċċekkjar għas-sigurta’.

Simon Busuttil kompla li jrid pajjiż fejn inkunu nistgħu ngawdu stil ta’ ħajja b’saħħtu u fejn bl-istudji li tkun għamilt tkun tista’ tavvanza u mhux tara lil tal-qalba jaħtfu dak li tkun stinkajt għalih. Stqarr li hemm bżonn li Malta tibda tinvesti f’infrastruttura li ttejjeb l-istil ta’ għejxien ta’ kulħadd u nsolvu l-problemi li qed jikbru, eżempju t-traffiku. Fl-istess ħin irridu nissalvagwardjaw l-ambjent ta’ pajjiżna li hu kruċjali għal Malta.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista indirizza t-tinwir kbir li qegħdin naraw wara biss tliet snin ta’ Gvern Laburista. B’hekk, Simon Busuttil wiegħed Gvern nadif u onest – fejn il-Pulizija ma talaqx għajnejha b’mod ovvju għal attivita’ kriminali ċara fil-qalba tal-Gvern.

Simon Busuttil temm jgħid li hu determinat li jkollna politika tan-nies, min-nies u għan-nies. Fakkar ukoll fl-attivitajiet tal-Indipendenza ta’ din is-sena, fejn qal li l-Partit Nazzjonalista se jibda mixja politika importanti b’messaġġ qawwi u ottimist, li iva nistgħu nrinexxu lkoll flimkien.

Mument