Tlett xufiera Maltin, Glenn Borg, Shawn Buttigieg u Duncan Micallef kienu impenjati fil-finali tal-Kampjonat Ewropew tal-kwart ta’ mil organizzata mill-FIA u l-FIM ġewwa it-trakka ta’ Santa Pod fl-Ingilterra.
Duncan Micallef li saq fil-klassi magħrufa bħala Top Fuel Dragster kiseb suċċess kbir meta għamel l-elf pied tiegħu f’ħin rekord ta’ 3.89 sekondi u veloċità ta’ 312 mil fis-siegħa. B’dan ir-riżultat, Micallef issa huwa uffiċjalment l-iktar sewwieq veloċi fl-Ewropa, l-iktar xufier veloċi li qatt rat it-trakka ta’ Santa Pod u l-iktar sewwieq veloċi li qatt saq fil-finali tal-Kampjonat Ewropew tal-kwart ta’ mil. Il-Kampjonat ġie mirbuħ minn Anita Makela tal-Finlandja.
B’dan ir-rekord ġdid Duncan Micallef kiser rekord personali ieħor tiegħu li kiseb ħmistax-il ġurnata biss ilu ġewwa L-Arena ta’ Tierp fl-Iżvezja fejn kien għamel ħin ta’ 3.91 sekondi.