Xhud: “Rajna mara bit-tifla f’idejha waqt li l-ġebel baqa’ nieżel”
Tifla’ ta’ 9 snin ġarrbet ġrieħi serji wara li waqa’ fuqha blat li ċeda f’San Pawl il-Baħar. L-inċident seħħ ftit qabel nofsinhar fiż-żona magħrufa bħala ‘Tal-Veċċja’ bejn ix-Xemxija u San Pawl il-Baħar.
Diversi persuni li kienu fl-inħawi rrappurtaw ħoss qawwi, li aktar tard irriżulta li kien ta’ massa ta’ blat li ċediet u waqgħet fil-baħar. Il-blat li ċeda kien jifforma parti minn għar popolari ħafna mal-għawwiema.
Fil-ħin tal-inċident, fiż-żona kien hemm grupp ta’ madwar ħamest itfal, li tlieta minnhom telgħu mill-baħar ftit qabel ċeda l-blatt. Madanakollu fil-baħar kien għad hemm żewġt itfal flimkien ma’ xi qraba tagħhom, fosthom in-nanna tat-tifla li weġġgħet.
Minn informazzjoni li għandu NETnews.com.mt jirriżulta li mal-impatt tal-ġebel fil-baħar, it-tifla u n-nanna tagħha nġibdu ‘l isfel. F’temp ta’ ftit sekondi kellha tkun in-nanna tat-tifla li lemħet lit-tifla rasha ‘l isfel fil-baħar u marret tgħollieha ‘l fuq minn fost it-terrapien. Ftit wara, il-mara ngħatat l-għajnuna minn raġel li kien fil-qrib u li niżel biex jagħti l-ewwel għajnuna.
Skont xhud li kien fuq il-post, u li nzerta jiġi missier ir-raġel li mar jagħti l-ewwel għajnuna, dan kollu seħħ waqt li l-ġebel kienu għadu nieżel fil-baħar. “Rajna mara bit-tifla f’idha waqt li l-ġebel kien għadu nieżel” qalilna Joe Suda li kien fl-inħawi fil-ħin tal-inċident.
Filmat: Xhud jirrakkonta dak li seħħ
Fuq il-post marru kemm Pulizija kif ukoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Issejjħet ukoll ambulanza li ħadet lit-tifla l-isptar Mater Dei għall-kura. Il-kundizzjoni tagħha hija waħda kritika u jirriżulta li ġarrbet ġrieħi ta’ natura gravi.
NETnews.com.mt jinsab infurmat li saru diversi rapporti lill-awtoritajiet dwar il-fraġilità tal-blat fiż-żona tal-Veċċa. Persuni li tkellmu ma’ NETnews qalulna li ġiet evitata traġedja ferm ikbar hekk kif iż-żona lbieraħ kienet miżgħuda bin-nies.
Fimat: Filmati li xxandru minn NETnews b’mod LIVE ftit wara li seħħ l-inċident