Qorti

Il-Pulizija f’Għawdex tressaq 3 persuni l-Qorti

Illum il-Pulizija ressqet taħt arrest fil-Qorti tal-Maġistrati t’Għawdex, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr. Paul Coppini LLD, liż-żewgt irgiel – raġel ta’ 34 sena imwieled is-Sudan u residenti l-Marsa u raġel ta’ 32 sena imwieled is-Somalia u residenti il-Munxar, Għawdex.

It-tnejn li huma ġew akkużati li kkaġunaw ġrieħi ta’ natura gravi lil xulxin kif ukoll talli volontarjament kisru l-ordni u l-paċi pubblika b’għajjat, storbju u ġlied.

Ir-ragel ta’ 34 sena ġie akkużat ukoll talli rrenda ruħu reċediv filwaqt li r-raġel ta’ 32 sena ġie akkużat talli kiser kundizzjonijiet tal-liberta` proviżorja imposti fuqu. Iż-żewġ imputati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom. Huma ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest u ġew eskortati fil-Faċilita` Korrettiva ta’ Kordin.

F’każ separat il-Pulizija preżentat taħt arrest fil-Qorti tal-Maġistrati t’Għawdex, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr. Paul Coppini LLD, raġel ta’ 26 sena mwieled il-Ghana u residenti Marsalforn.

Huwa ġie akkużat talli nhar il-11 ta’ Settembru, 2016, ġewwa Għawdex stess, hedded ufficjal tal-Pulizija, m’obdiex l-ordnijiet legittimi, kif ukoll talli bl-imġieba tiegħu kkaġuna lill-persuna oħra biża li ser tintuża vjolenza kontrih.

L-imputat wieġeb ħati għall-akkużi hekk kif miġjuba fil-konfront tiegħu. Huwa ngħata sentenza ta’ 6 xhur ħabs sospizi għal sentejn.

Il-prosekuzzjoni fiż-żewġ każijiet tmexxiet mill-Ispettur Edel Mary Camilleri