Lokali

Inċertezza fi ħdan l-Air Malta hekk kif is-sħubija bejn l-Air Malta u l-Alitalia għadha ‘l bogħod

Il-linja Nazzjonali tal-ajru l-Air Malta u l-Alitalia għadhom ‘il bogħod milli jilħqu l-konverġenza fuq sħubija strateġika fil-linji tal-ajru rispettivi, dan skont rapport maħruġ minn The Times of Malta. Dan il-pass kien oriġinarjament ippjanat li jingħalaq fl-aħħar ta’ Awwissu, madanakollu dan baqa sarx, bil-Ministeru tat-Turiżmu, tikkonferma d-dewmien u li t-taħdidiet għadhom għaddejjin.

Kelliema għall-Ministeru tat-Transport qalu li t-taħdidiet għadhom għaddejjin minħabba li l-prijorità tal-Gvern huwa li jiżgura l-aħjar possibbli u li jassigura soluzzjoni sostenibbli għall-Air Malta. Madanakollu dan ma jeskludix l-inċertezza li hemm fil-linja Nazzjonali tal-ajru u l-ħaddiema li jagħmlu parti minnha.

Bħalissa infatti għaddejin taħdidiet mal-General Workers Union, li qed tirrappreżenta numru ta’ ħaddiema biex fost l-oħrajn il-post t’impjieg tagħhom ikun konfermat. Id-diskussjonijiet mistennija li jitkomplu fil-jiem li ġejjin.

S’issa l-ebda data ġdida ma hija magħrufa jew ġiet stabbilita għall-konklużjonijiet tat-taħdidiet bejn l-Air Malta u l-Alitalia iżda sorsi qalu li hemm laqgħa tal-bord skedata għal 23 ta’ Settembru. Skont l-istess sorsi l-unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema ġew ukoll imsejjħa għal-laqgħa fl-istess jum.