Fl-14 ta’ Settembru fit-8pm, niltaqgħu id-Dar Ċentrali. Insegwu dokumentarju li ħejjejt dwar meta l-PN kien ixandar minn Sqallija permezz ta’ Richard Muscat. Id-dokumentarju preparjatu wara li t-tim ta’ Iswed fuq l-Abjad żar Sqallija flimkien ma’ Richard Muscat. Dakinhar, fit-23 t’April li għadda żorna l-postijiet ewlenin li għad fadal u li jfakkru l-istorja ta’ meta l-PN kien ixandar minn Sqallija.
F’dik l-ġurnata fi Sqallija skoprejt b’mod iktar ħaj l-istorja permezz tal-monumenti li żorna u mill-istejjer li rrakuntawli n-nies li għexu din l-istorja. Bosta ftakkru fil-mumenti ta’ ansjetà u stennija biex isegwu r-radju tal-PN u aktar ‘l quddiem l-istazzjon televiżiv MTV Studio Rama. Filwaqt li Richard Muscat spjegalna kif bi ftit riżorsi imma b’ħafna kreattività rnexxilu joħloq studio għar-radju u televiżjoni minn uffiċċju fi Piazza San Giovanna fi Sqallija.
Id-dedikazzjoni ta’ Richard Muscat
Sa ftit ilu lil Richard Muscat kont nafu biss mill-istorja u mill-ktieb tieghu ‘Għandi Missjoni Għalik’. Iżda fl-aħħar xhur tgħallimt ħafna mid-dedikazzjoni u d-determinazzjoni tiegħu.
Meta konna qed niktbu u nippreparaw id-dokumentarju irrakuntali ħafna stejjer u fl-aħħar ġimghat kont miegħu f’intervisti fuq r-radju u t-televiżjoni li fihom dejjem sab stejjer ġodda x’jirrakonta dwar l-esperjenza fi Sqallija. Inutajt li f’kull intervista anke l-preżentaturi ħadu gost jisimgħu r-rakkonti tiegħu. Iżda li ammirajt ‘l aktar fih kien li filwaqt li huwa l-protagonista ta’ din l-istorja, aħna u naħdmu fuq d-dokumentarju, kien jirsisti biex l-istorja tiġi rrakuntata minn nies li flimkien mieghu għexu dawk iż-żminijiet.
Richard Muscat, bir-raġun, huwa kburi bil-missjoni li wettaq b’suċċess f’isem il-PN imma mhux imkabbar. Anzi f’Richard Muscat skoprejt politiku umli u ddedikat li kien determinat li jwettaq missjoni li fdalu l-Kap Eddie Fenech Adami. Dik d-dedikazzjoni u determinazzjoni għadha fih u fil-preparazzjoni tad-dokumentarju assigura li l-istorja tiġi rrakuntata mhux bil-vuċi tiegħu biss imma bil-vuċi ta’ nies li għexuha. Żgur li hemm ħafna iktar nies li ħadmu wara l-kwinti u li għamlu ħidma fis-skiet.
Fil-fatt kemm ilni naħdem fuq dan id-dokumentarju iltqajt ma’ ħafna attivisti li rrakuntawli r-rabta tagħhom ma’ din l-istorja. Dawn ma jitnizzlux fl-istorja imma taw sehem kbir – ħadu riskji u issieltu għal kawża. Dawn ukoll ħaqhom apprezzament.
Ir-relevanza tal-istorja
Ahna l-politiċi żgħażagħ għandna x’nitgħallmu mill-istorja u minn politiċi dedikati. Xi kultant tisma’ lil min jgħid li dik l-istorja għaddiet u għandna nħalluha warajna. Jiena bħala żagħżugħa ma nivvutax fuq l-passat imma napprezza li l-istorja fiha minn xiex nitgħallem.
Dan id-dokumentarju jagħtina l-opportunità nikbru fl-għerf dwar l-istorja waqt li naħsbu fuq r-relevanza tagħha ghall-politika tal-lum. Fil-fatt d-dokumentarju jinkludi riflessjonijiet dwar din l-istorja u r-rabta tagħha mal-lum mill-Kap tal-PN, Simon Busuttil; mill-eks Segretarju Generali tal-PN, Louis Galea u mis-Segretarju Generali, Rosette Thake.
Nhar il-Erbgħa niltaqgħu d-Dar Ċentrali fit-8pm biex flimkien ma’ Eddie Fenech Adami, Simon Busuttil, politiċi oħra u nies li għexu din l-istorja insegwu dan id-dokumentarju speċjali. Il-biljetti ta’ Eur15 għal din l-attività jistgħu jinkisbu mid-Dar Ċentrali. Wara niltaqgħu waqt riċeviment fejn ċerta li se niltaqa’ ma’ aktar persuni li għandhom stejjer interessanti x’jirrakuntaw dwar dawk iż-żminijiet.
Ftit jiem wara imbgħad niċċelebraw l-Indipendenza li wkoll għandha relevanza għall-politika tal-lum. Għaliex ma nistgħux Nirnexxu Lkoll Flimkien jekk ma nirrikonoxxux l-ħidma ta’ ġenerazzjonijiet li ġew qabilna u nirriflettu fuq kif se nkomplu nagħtu futur ta’ suċċess lill-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.
//= $special ?>