Il-Kunsill Lokali ta’ Amatrice fetħet kawża ta’ libell kontra l-ġurnal satiriku Franċiż ‘Charlie Hebdo’.
Dan wara li hekk kif seħħ it-terremot ta’ ftit ġimgħat ilu, Charlie Hebdo ppubblikat karikatura li turi l-vittmi mogħtija isimijiet ta’ platti tipiċi Taljani skont il-feriti li kienu mpinġija bihom.
Wara l-agħa li kien hemm, it-tmexxija ta’ Charlie Hebdo ppubblikat karikatura oħra, din id-darba fuq l-Internet biss, li fiha qalu li d-djar li kkrollaw kienu nbnew mill-Mafja u mhux minn Charlie Hebdo.
L-avukat li ressaq il-libell, Mario Cicchetti, qal li dan kien l-agħar insult li wieħed seta’ jagħmel lill-vittmi ta’ diżastru naturali. Hu żied li filwaqt li ma kellu xejn kontra s-satira, dawn il-karikaturi kienu joffendu l-memorja tal-vittmi tat-terremot tal-24 ta’ Awwissu u dawk li salvaw.
Hu qal li meta wieħed iqis dak li kien pubblikat, dan qabeż il-limitu tal-libertà tal-kritika għaliex l-insult sar lill-vittmi.
Kawża ta’ libell kontra ‘Charlie Hebdo’ minħabba t-terremot ta’ Amatrice
