Lokali Qorti

Kien irrifjuta stedina għal ġurnata baħar l-għada tad-delitt “għax kellu jġorr xi pallets”

Madwar ġimgħa qabel seħħ id-delitt, l-akkużat Andrew Mangion irċieva stedina għal ġurnata baħar bid-dgħajsa, iżda hu kien wieġeb li x’aktarx ma jkunx jista’ jmur għaliex se jkun qed iġorr xi pallets.
Dan ħareġ illum fil-Qorti hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke fil-każ kontra Andrew Mangion li jinsab akkużat bil-qtil ta’ martu Eleanor Mangion Walker fil-lejl bejn fit-2 ta’ Lulju li għadda.

Il-katavru tal-mara ta’ 33 sena instab l-għada imgeżwer u mistoħbi taħt numru ta’ pallets f’maħżen f’Ħal Qormi.
Fix-xhieda tagħha, Annamaria Bajada spjegat li hi toqgħod bieb ma’ bieb mal-garaxx fis-Swieqi mikri lill-akkużat Andrew Mangion u qalet li bintha u bint l-akkużat u l-vittma huma tal-istess eta’ u ta’ spiss kienu jilagħbu flimkien.

Mistoqsija dwar x’kuntatt kellha ma’ Andrew Mangion dakinhar li seħħ id-delitt, Bajada qalet li għall-ħabta tas-7p.m. hu ġab lil bintu biex tilgħab mat-tifla tagħha u ġabarha iktar tard għall-ħabta tad-9.30p.m. L-għada l-Ħadd, Mangion ġab lil bintu għall-ħabta tad-9.30a.m. sabiex imorru sal-baħar bid-dgħajsa u telqu għall-ħabta tas-1.30p.m. Mistoqsija tiddeskrivi kif rat l-istat emozzjonali ta’ Andrew Mangion, Bajada qalet li deher fi stat kalm u normali.

Hi qalet li daqs ġimgħa qabel, huma kienu stiednu lill-akkużat flimkien ma’ bintu biex iqattgħu ġurnata baħar magħhom. Andrew Mangion kien wieġeb li aktarx mhux se jkun jista’ jiġi għaliex se jkun qed iġorr xi pallets u fil-każ, jieħdu lit-tifla biss.
Waqt il-kontroeżami mill-Avukat Joe Giglio, Annamaria Bajada ikkonfermat li dakinhar li kellhom joħorġu bid-dgħajsa, bint l-akkużat suppost kellha tkun mal-vittma. Ikkonfermat ukoll li l-akkużat ċempel lill-vittma u ma kienx hemm diffikulta’ biex it-tifla tmur magħhom.

L-istess xehed Leslie Bajada, ir-raġel ta’ Annamaria Bajada. Hu qal li stieden lil Mangion u lil bintu għal ġurnata baħar fuq id-dgħajsa bħala ringrazzjament għall-għajnuna tiegħu biex jiżbogħ u jniżżel id-dgħajsa.
Nhar it-3 ta’ Lulju, Leslie Bajada qal li stiednu mill-ġdid u Mangion qal li kien imħabbat bix-xogħol u kellu jġorr xi pallets. Dakinhar filgħodu hu ra lill-ħabib tal-akkużat li kien jafu bħala “ir-Russu” u kien qed jgħin inaddaf il-vann ta’ Mangion. Meta mistoqsi, Bajada qal li l-bieba tal-ġenb tal-vann kienet miftuħa u ġewwa ma ra xejn partikolari ħlief xkupa u trab.
Leslie Bajada qal li Mangion ġieli tah xi pallets għall-fireplace. Hu qal li darba minnhom, hu kien mar fil-maħżen f’Ħal Qormi biex jiġbor xi pallets.

Tixhed oħt il-vittma

Xehdet ukoll Beverly Walker, li tiġi oħt il-vittma. Hi qalet li l-aħħar li rat lil oħtha kienet it-Tlieta ta’ qabel seħħ id-delitt u l-aħħar komunikazzjoni ma’ Eleneor kienet lejliet li seħħ id-delitt, permezz ta’ messaġġi. Hi qalet il-kontenut tal-messaġġi ma kienu juru xejn li oħtha kienet inkwetata. Kienet sempliċement staqsietha kif inhi għax kienet ma tiflaħx.

Mistoqsija tiddeskrivi r-relazzjoni bejn oħtha u l-akkużat, hi qalet li ż-żwieġ kien qed imur lura minn 5 snin ilu meta kien ikun hemm argumenti kbar, iżda l-komunikazzjoni bejniethom donnha tjiebet f’dawn l-aħħar sentejn, speċjalment fejn jidħlu deċiżjonijiet dwar binthom.
Beverly Walker qalet li dakinhar tad-delitt, hi rat lil Andrew Mangion ġej mill-garaxx tiegħu għall-ħabta tas-1p.m. meta kienu ġejjin lura mix-xirja. Hi nnutat li kuntrarju għas-soltu, m’offriex li jgħin fil-ġarr tal-basktijiet u dakinhar ħasbet li forsi kellu ġurnata ħażina.

Mistoqsija dwar il-vetturi li kienu jużaw kemm l-akkużat kif ukoll il-vittma, Walker qalet li Mangion kien isuq vann abjad filwaqt li sa tliet xhur qabel seħħ id-delitt, oħtha kienet tuża karozza Hyundai Getz li kienet propjeta’ tal-akkużat u mbagħad kienet qed tuża karozza Vauxhall sewda propjeta’ ta’ ħuhom li jinsab imsiefer.
Beverly Walker qalet li madwar sentejn ilu, oħtha lmentat li żewġha kien qed jittraffika d-droga. Huma kienu kellmu lil eks-Pulizija Pierre Guido Saliba li kien ħabib ta’ raġel li kienet qed tiffrekwenta Eleanor dak iż-żmien.
Waqt il-kontroeżami mill-Avukat Joe Giglio, ix-xhud qalet li ma rriżulta xejn minn dawn l-akkużi tant li Andrew Mangion lanqas biss kien tressaq il-Qorti. Mistoqsija jekk taħsibx li hi koinċidenza li l-akkużi ta’ sentejn ilu ħarġu fl-istess żmien meta kien hemm il-proċeduri dwar il-kura u l-kustodja tat-tifla minuri, Beverly Walker wieġbet li ma tafx.

Jinstabu żewġ pari ngwanti mċappsin bid-demm tal-vittma fil-vann tal-akkużat

Iktar kmieni xehed l-Ispettur Keith Arnaud mill-iskwadra ta’ kontra l-omiċidji li ta dettalji dwar l-investigazzjoni mill-lat ta’ forensika. Hu qal li jirriżulta li fil-vann Hyundai tal-akkużat instab telefon ċellulari taħt is-seat tax-xufier li s’issa jirriżulta li mhux tal-akkużat filwaqt li taħt is-seat tal-passiġġier instabu żewġ pari ingwanti imċappsin bid-demm li kien ikkonfermat li hu tal-vittma Eleanor Mangion Walker.
Fil-vann instabet ukoll balla ta’ kalibru żgħir li s’issa jirriżulta li ma tinkwadra xejn fil-każ. Fil-bieba tax-xufier, instabet ukoll ċavetta tal-karozza Vauxhall Corsa li kienet qed tintuża temporanjament mill-vittma u li hi reġistrata fuq ħuha. Fil-fatt, kompla l-Ispettur Arnaud, instabu żewġt iċwievet tal-karozza Vauxhall, waħda li nstabet fil-vann u l-oħra li nstabet fuq l-akkużat meta kien arrestat.

Iktar kapi ta’ akkuża fil-konfront ta’ Mangion

Fil-bidu tal-kumpilazzjoni, il-Prosekuzzjoni ressqet iktar akkużi fil-konfront ta’ Andrew Mangion fosthom li fil-jiem bejn it-2 u t-3 ta’ Lulju, hu pprova jissopprimi jew b’xi mod jew ieħor qered jew biddel traċċi jew indizji tar-reat.
Kien akkużat ukoll li fit-3 ta’ Lulju u fix-xhur ta’ qabel kellu fil-pussess tiegħu il-pjanta kannabis jew biċċa minnha. Andrew Mangion wieġeb mhux ħati tal-akkużi addizzjonali miġjuba kontrih
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kylie Borg. L-Avukat Joe Giglio qed jidher għall-akkużat filwaqt li l-Avukat Michael Sciriha qed jidher parte civile.

Il-kumpilazzjoni tkompli fis-26 ta’ Settembru.