L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi ħabbret li se tkun qed tappella mid-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li tagħti permess għall-bini ta’ torri ta’ 40 sular f’Tas-Sliema.
Fi stqarrija wara laqgħa tal-bord, l-Awtorità tal-Ambjent qalet li għandha biżżejjed argumenti, anke fuq livell legali, biex tappella minn dik id-deċiżjoni.
Madanakollu, l-Awtorità tal-Ambjent qalet li mhux se tkun qed tappella mid-deċiżjoni dwar l-erba’ torrijiet fl-Imrieħel, peress li skont l-Awtorità tal-Ambjent, appell ma jkunx l-aktar mezz effettiv kif it-tħassib tal-Awtorità jkun indirizzat.
L-Awtorità tal-Ambjent qalet li fil-prinċipju mhijiex kontra l-iżvilupp ta’ bini għoli, sakemm dan isir skont il-prinċipji tas-sostenibbiltà.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal fi ‘tweet’ li jilqa’ d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ambjent li tappella mid-deċiżjoni dwar l-iskyscraper f’Tas-Sliema. Madanakollu, hu esprima diżappunt dwar in-nuqqas tal-Awtorità tal-Ambjent li tappella mid-deċiżjoni dwar it-torrijiet fl-Imrieħel.
L-Awtorità tal-Ippjanar kienet iddeċidiet favur l-iskyscraper f’Tas-Sliema u t-torrijiet fl-Imrieħel fl-4 ta’ Awwissu li għadda. Dakinhar, iċ-Chairman tal-Awtorità tal-Ambjent Victor Axiaq ma kienx attenda għal-laqgħa li matulha ttieħedu l-voti, minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Madanakollu, dakinhar, l-anqas ma kienet inqrat l-opinjoni tiegħu li bagħat permezz ta’ ittra.
Iżda fis-sigħat li għaddew, wara li l-bord tal-Awtorità tal-Ambjent ħabbar li ddeċieda li se jappella mid-deċiżjoni dwar l-iskyscraper f’Tas-Sliema, il-Professur Victor Axiaq ippubblika l-opinjoni tiegħu, li fiha joħroġ kif Victor Axiaq kien se jivvota kontra ż-żewġ proġetti – kemm tal-Imrieħel kif ukoll ta’ Tas-Sliema.
//= $special ?>I welcome the ERA decision to appeal the Townsquare skyscraper permit. But its decision not to do the same on Mriehel is disappointing.
— Simon Busuttil (@SimonBusuttil) September 12, 2016