Internazzjonali

L-Italja se tiftaħ sptar militari fil-Libja

L-Italja ħabbret li se tibni sptar militari fil-Libja li se jkun fih mat-300 persuna bejn tobba u infermieri kif ukoll suldati fih. Dan fuq talba tal-Gvern ta’ għaqda nazzjonali Libjan li għandu l-appoġġ min-Nazzjonijiet Uniti.
L-isptar se jinfetaħ ħdejn l-ajruport ta’ Misurata.
Il-forzi ta’ Misurata huma l-forza ewlenija li qed tikkumbatti lill-ISIS f’Sirte, imma qed isofru ħafna vittmi u dawn qed jittieħdu lejn Misurata. Imma l-isptarijiet ma jifilħux aktar għall-ammont ta’ nies midruba li qed jiddaħħlu.
Filwaqt li Franza, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti ammettew li għandhom truppi speċjali fil-Libja, din hi l-ewwel darba li se jkun hemm preżenza militari barranija fil-Libja b’mod tant pubbliku għalkemm fuq missjoni umanitarja.