Internazzjonali

Mara fl-Indja stuprata għaliex akkużata li kielet iċ-ċanga

Mara Musulmana Indjana qalet li kienet stuprata minn grupp irġiel Hindu wara li kienet akkużata li kielet iċ-ċanga.
Il-mara qalet li hi u l-kuġina tagħha ta’ 14-il sena kienu stuprati minn grupp ta’ erbat irġiel f’Mewat, fl-Istat ta’ Haryana. Hi qalet li fl-istess attakk, iz-ziju u z-zija tagħha ssawtu sal-mewt.
Issa l-Pulizija arrestat l-irġiel li wettqu l-attakk u kienu akkużati bi qtil u stupru.
Għall-Hindu, il-baqra hi sagra u l-qtil tal-annimal hu projbit f’diversi stati Indjani fosthom Haryana. Il-mara min-naħa tagħha qed tiċħad li qatt kielet iċ-ċanga.
Dan l-aħħar Mewat, fejn hemm komunita kbira ta’ Musulmani, kienet fl-aħbarijiet fl-Indja wara li uffiċjal għoli qal li l-Pulizija kienu se jibdew jagħmlu rondi biex jassiguraw li fl-ikel ma kienx hemm ċanga.
Hemm xi wħud li huma tal-opinjoni li l-attakk ta’ Mewat kien instigat biex jinqala’ l-inkwiet bejn iż-żewġ komunitajiet.