Lokali

“Min hu ta’ prinċipju, ma jistax jivvota għal min ivvota favur Konrad Mizzi” – Simon Busuttil dwar il-vot ta’ għada fil-PE

“Il-Vot fil-Parlament Ewropew dwar in-nomina ta’ Leo Brincat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri, m’għadux vot fuq Leo Brincat iżda vot fuq Joseph Muscat dwar jekk hux aċċettabbli li jkollok Prim Ministru ta’ pajjiż Ewropew li ma jagħmel xejn fuq l-iskandlu tal-Panama.”

Waqt laqgħa għall-kumitati tal-Partit Nazzjonalista bi tħejjija għall-Festi tal-Indipendenza, il-Kap tal-PN Simon Busuttil qal li l-Partit Popolari Ewropew ħabbar li l-vot tiegħu hu favur l-interess ta’ Malta.

Min hu ta’ prinċipju, qal Simon Busuttil, ma jistax jivvota għal min ivvota favur Konrad Mizzi.

Simon Busuttil qal li kien diġa’ wissa’ lil Leo Brincat qabel il-vot fil-mozzjoni ta’ sfiduċja kontra Konrad Mizzi fil-Parlament, li jekk jivvota favur Konrad Mizzi, ma jistax ikun kandidat f’istituzzjoni li tassigura biex dak li għamel Konrad Mizzi fil-Panama ma jsirx.

Hu qal li l-Gvern issa hu ostaġġ tal-ħmieġ tiegħu stess u Joseph Muscat tilef ġieħu, l-integrita’ tiegħu u kull awtorita’ morali.

Anki fil-kwistjoni tal-ghoti tal-permess ghal 5 torrijiet f’gurnata waħda, jidher li Muscat għandu obbligi politiċi ċari.

Kuntrarju għal dan, Simon Busuttil qal li hu m’hu fil-but ta’ ħadd. Hu sostna li l-iskema Ċedoli kienet suċċess mhux biss għall-kważi €3 miljun li nġabru iżda wkoll għaliex tgħin biex tnaddaf il-finanzi tal-PN u hi eżempju ta’ finanzjament ta’ partit mingħajr wieħed jidħol f’obbligi u ntriċċi.

Il-Kap tal-PN qal li hu jemmen li l-PN jista’ jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss għaliex l-affarijiet li qed jara hu u li qed jaraw l-attivisti tal-partit, qed jarawhom ukoll in-nies hemm barra. “Il-verita’, bħas-sewwa, tirbaħ żgur,” sostna Simon Busuttil.

Kap Laqgha Kumitati-6699

Dwar it-tema “Nirnexxu Lkoll Flimkien” magħżula għall-festi tal-Indipendenza ta’ din is-sena, Simon Busuttil qal li mhux biss hi viżjoni għall-pajjiż iżda wkoll missjoni għall-PN.

“Jekk naħdmu lkoll flimkien, l-elezzjoni ġenerali, tiġi meta tiġi, se ssibna lesti u nkunu nistgħu nirbħuha,” tenna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.