Sport Waterpolo

Prestazzjoni aħjar miż-żgħażagħ Maltin

Wara t-telfa fil-partita tal-ftuħ kontra l-Ungerija, it-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena tilef it-tieni partita minn Grupp D tal-Kampjonat Ewropew kontra l-Montenegro 19-6. Il-partita kienet prattikament l-istess bħall-ewwel waħda, bil-Montenegro jkunu fuq livell differenti, iżda l-Maltin kellhom il-mumenti tagħhom ukoll. Il-partita ntlagħbet fit-8.30am, ħin insolitu għaż-żgħażagħ Maltin.

It-tim Malti mar fil-vantaġġ fl-ewwel attakk tiegħu permezz ta’ Bugelli, b’Ben Plumpton jiskurja t-tieni gowl Malti lejn nofs is-sessjoni, sessjoni li l-Montenegro rebħu 3-2. It-tieni sessjoni, kienet negattiva bħall-ewwel partita, bil-Montenegro jiskurjaw tmien gowls, b’Miguel Zammit jiskurja l-uniku gowl Malti.

It-tim ta’ Anthony Farrugia ħareġ aħjar wara l-mistrieħ minkejja d-distakk fl-iskor, u qasam il-logħob mal-avversarji, bil-gowls tat-tim Malti jaslu minn Ben Plumpton, Joseph Galea u Jeremy Abela, biex fl-aħħar sessjoni l-Montenegro skurjaw tliet gowls mingħajr risposta għal rebħa finali ta’ 19-6.

It-tim Malti jilgħab it-tielet u l-aħħar partita fil-grupp illum kontra l-Greċja fl-10.15.

 

KUMMENTI TAL-KOWĊ ANTHONY FARRUGIA: “Il-prestazzjoni kienet aħjar mill-bieraħ minkejja li t-tim kellu jqum fil-5.30pm u sfortunatament Michele Mifsud ma kien għad-dispożizzjoni minħabba virus. Attakkajna aktar b’mod effettiv u ksibna aktar esklużjonijiet u penalties.

Kontra timijiet ta’ din is-saħħa, kull żball ikun penalizzat b’gowl. Għal darba oħra sofrejna fit-tieni sessjoni meta xi plejers importanti kienu mistrieħa. Waqt is-sessjoni ta’ wara nofsinhar se nippreparaw għal logħba li jmiss kontra l-Greċja li wkoll qed jisfida biex jirbaħ it-titlu.”

 

Riżultati oħra:

Grupp A: Serbja v Ġermanja 15-3, Italja v Turkija 20-5

Grupp B: Russja v Ażerbajġan 31-3, Kroazja v Georgia 13-6

Grupp Ċ: Spanja v Rumanija 20-4, Olanda v Slovakkja 9-5

Grupp D: Greċja v Montenegro 12-10