Lokali

“Simon Busuttil sod fil-prinċipju tiegħu; iwettaq l-impenn politiku b’kuraġġ personali” – l-opinjonista Joe Ellis

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil huwa sod fil-prinċipju tiegħu u jwettaq l-impenn politiku b’kuraġġ personali.

Stqarrija mill-Avukat Joe Ellis, li f’intervista fuq il-gazzetta Illum, faħħar il-karatteristiċi politiċi tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Joe Ellis huwa avukat u opinjonista li ta’ kull nhar ta’ Ħadd jikteb fuq il-gazzetta Illum. Hu kien qed jiġi intervistat mill-istess gazzetta dwar il-Partit Nazzjonalista u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

L-Illum qalet li fl-aħħar jiem il-media tal-Partit Laburista ħolqot tromba politika – b’messaġġ li l-għan tiegħu kien li jitfa’ lill-Kap tal-Partit Nazzonalista taħt lenti u f’suppost kriżi ta’ tmexxija. Imma l-istess gazzetta staqsiet jekk lil hinn mill-media Laburista dan hux minnu.

Apparti l-kummenti ta’ Joe Ellis, l-Illum ħadet ukoll il-kummenti tal-opinjonista Laburista Manwel Micallef.

Min-naħa tiegħu, l-avukat u l-opinjonista Joe Ellis qal li ma jaħsibx li Simon Busuttil huwa ġwejjed – anzi, huwa sod fil-prinċipju tiegħu u jwettaq l-impenn politiku b’kuraġġ personali. Żied li l-importanti f’Kap ta’ Partit u li jkun kapaċi, onest, u effettiv.

Dwar il-qagħda politika preżenti, Joe Ellis qal li aktar mill-interessi tal-pajjiż, Muscat u l-Gvern tiegħu huma mhedijin fuq kwistjonijet personali u klijentelisti.

Ritratt: Illum