Lokali Saħħa

Spiża għall-ispiżjara… iridu jagħmlu tajjeb għal mediċini tal-Gvern

Il-Gvern jisforza lill-ispiżjara jagħmlu polza ta’ assikurazzjoni fuq mediċini tal-Gvern; illum se ssir laqgħa għall-ispiżjara dwar din il-kwistjoni

L-ispiżjara privati se jkollhom jibdew jagħmlu tajjeb għal mediċini tal-Gvern li jitqassmu mill-ispiżeriji tagħhom, f’direttiva li se ddaħħal lill-ispiżjara fi spejjeż kbar u ġodda. NETnews.com.mt jista’ jiżvela li l-ispiżjara ta’ spiżeriji privati ngħataw direttiva mill-Gvern biex jagħmlu polza ta’ assikurazzjoni (insurance) fuq l-istock kollu ta’ mediċini li jifformaw parti mill-mediċini tal-iskema ‘Pharmacy of Your Choice’ (POYC).

Din id-direttiva tfisser li l-ispiżjara kollha li jiffurmaw parti mill-iskema tal-POYC, se jibdew ikollhom jagħmlu tajjeb għal mediċini tal-Gvern (li jitqassmu taħt l-iskema tal-POYC) f’każ li dawn il-mediċini jinsterqulhom jew jiskadulhom u ma jibqgħux tajbin għat-tqassim. L-ispiżjara se jibdew ikollhom jagħmlu tajjeb għall-mediċini tal-Gvern li jqassmu permezz ta’ polza ta’ assikurazzjoni li qed jiġu mġiegħla jagħmlu.

S’issa, l-ispiżjara ma kinux obbligati jagħmlu polza ta’ assikurazzjoni fuq il-mediċini tal-POYC. Filfatt, hemm spiżjara ta’ spiżeriji privati li l-anqas biss jagħmlu polza ta’ assikurazzjoni fuq l-istock privat tagħhom.

Iżda din is-sitwazzjoni se tinbidel hekk kif NETnews.com.mt jista’ jikkonferma li mill-15 ta’ Settembru li ġej, l-ispiżjara privati kollha li huma parti mill-iskema tal-POYC, se jibda jkollhom jagħmlu tajjeb għal mediċini “tal-fridge” li jiskadulhom. Dan ifisser li mill-15 ta’ Settembru li ġej, jekk ikun hemm mediċini li jinżammu kesħin (bħall-insulina) u li jiskadu, l-ispiżjara se jkollhom iħallsuhom minn buthom jekk ma jagħmlux polza ta’ assikurazzjoni fuqhom.

Imbgħad, aktar tard fil-ġimgħat ta’ wara, l-ispiżjara privati se jibdew ikollhom jagħmlu tajjeb għall-mediċini kollha tal-Gvern u mhux dawk “tal-fridge” biss. Dan ifisser li jekk issir serqa ta’ mediċini tal-Gvern minn spiżeriji privati, l-ispiżjara se jkollhom jibdew jagħmlu tajjeb għalihom.

NETnews.com.mt jinsab infurmat li l-idea wara din id-direttiva ġdida hi biex ma jinħlewx mediċini bi traskuraġni. Iżda spiżjara li tkellmu ma’ dan il-ġurnal ilmentaw li din se tkun spiża żejda fuq l-ispiżjara bl-iskop li l-Gvern ifarfar minn fuq spallejh.

Intant illum mistennija ssir laqgħa bejn l-ispiżjara biex tkun deċiża t-triq ‘il quddiem dwar din il-kwistjoni hekk kif sa issa, l-ispiżjara għadhom m’għamlux oġġezzjonijiet formali mal-Gvern dwar din id-deċiżjoni.

Mhux eskluż li din id-deċiżjoni tal-Gvern li tgħabbi lill-ispiżjara bi spejjeż ġodda twassal biex ikun hemm spiżjara li joħorġu mill-iskema tal-‘Pharmacy of Your Choice’, b’detriment għall-pazjenti li qed jinqdew b’kumdità mill-ispiżeriji tal-għażla tagħhom.