Miexi bil-mod ħafna it-tanker tal-gass illi kmieni t-Tnejn filgħodu telaq minn Singapore sabiex fil-ġranet li gejjin ikun qed jankra fil-port ta’ Marsaxlokk – tanker li se jkun parti mill-power station tal-gass illi sippost ilha topera aktar minn sena u nofs.
Kien fl-1 t’Awwissu meta Joseph Muscat, flimkien ma’ Konrad Mizzi u Keith Schembri, mar Singapore sabiex jinawgura t-tanker. Iżda għaddew ġranet sħaħ minn din iċ-ċerimonja, u t-tanker tal-gass baqa’ qatt ma telaq – għalkemm issa fl-aħħar, rajna t-tanker jibda bir-rotta tiegħu mit-tarzna ta’ Keppel lejn pajjiżna b’veloċita’ ta’ 9 knots. L-ewwel destinazzjoni tiegħu tul din ir-rotta se tkun Sri Lanka.
Oriġinarjament, it-tanker tal-gass LNG Mediterrana kellu jasal Malta fl-10 ta’ Settembru. Dan id-deadline ma ntlaħaqx.
Imbagħad, il-Ministru Konrad Mizzi kien qal illi t-tanker kellu jitrakka f’Marsaxlokk dan ix-xahar. Iżda kollox qed jindika illi anke dan id-deadline se jinqabeż.
Ħadd ma jaf eżatt għaliex kien hemm dewmien kbir sakemm telaq il-bastiment minn Singapore. Il-Gvern żamm fommu sieket. L-istess il-konsorzju Electrogas, illi baqa’ fil-muta dwar ir-raġuni veru li wasslet għal dan id-dewmien.
Fi triqtu lejn Malta, it-tanker tal-gass mistenni jgħaddi mill-Kanal ta’ Suez, bil-vjaġġ ikkalkulat li jieħu madwar 25 ġurnata. Dan kemm-il darba ma jiltaqax ma’ maltemp jew intoppi oħrajn.
//= $special ?>