Unjoni Ewropea

Filmati: 381 MEP jivvotaw kontra n-nominat ta’ Muscat – Leo Brincat ma jgħaddix

381 MEP ivvotaw kontra n-nominat ta’ Joseph Muscat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri, hekk kif Leo Brincat falla mill-vot fil-Parlament Ewropew.

Il-Parlament Ewropew ivvota kontra n-nomina ta’ Leo Brincat f’vot li ttieħed waranofsinhar waqt il-Plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu.

B’kollox kienu 381 MEP li vvotaw kontra n-nominat ta’ Muscat – 152 MEP aktar minn kemm ivvotaw favur Leo Brincat. Filfatt, kienu biss 229 MEP li vvotaw favur in-nominat ta’ Leo Brincat, filwaqt li 58 MEP astjenew.

Wara l-vot qawwi fil-Parlament Ewropew, immedjata kienet ir-reazzjoni tal-eks Ministru Laburista Leo Brincat, li fi stqarrija qal li se jkun qed jinjora l-verdett tal-Parlament Ewropew u se jmur bin-nomina tiegħu quddiem il-Kunsill Ewropew.

Madanakollu, qabel il-vot dwar Leo Brincat, il-Parlament Ewropew qal li l-Kunsill Ewropew għandu jagħti każ tal-opinjoni tal-MEPs. Filfatt dwar dan, il-Partit Nazzjonalista qal fi stqarrija li Muscat għandu jieqaf iżeblah isem Malta u b’mod immedjat iwaqqaf in-nomina ta’ Leo Brincat – biex minflok jinnomina persuna li verament tkun tixraq lil pajjiżna.

Leo Brincat hu t-tieni nominat ta’ Joseph Muscat li falla mit-test quddiem l-istituzzjonijiet Ewropej. Qabel Leo Brincat, l-eks Deputat Mexxej Laburista Toni Abela falla mill-‘grilling’ tal-MEPS. Fiż-żewġ każijiet, iż-żewġ nominati ta’ Muscat kienu ffaċċjati b’sensiela ta’ mistoqsijiet dwar l-iskandlu tal-Panama.

Il-Partit Nazzjonalista qal ukoll li r-raġuni wara l-fallimenti ta’ Toni Abela u ta’ Leo Brincat mhijiex il-kompetenzi tagħhom, iżda l-korruzzjoni li fniet il-Gvern ta’ Muscat, qal il-Partit Nazzjonalista.

Min-naħa tiegħu, il-Gvern fi stqarrija ikkonferma li se jkun qed jinjora l-vot fil-Parlament Ewropew u jkompli għaddej bin-nomina ta’ Leo Brincat quddiem il-Kunsill Ewropew, bil-Partit Nazzjonalista mhux biss jappella lil Muscat biex jieqaf iżeblah isem Malta, iżda jgħid ukoll li l-Oppożizzjoni lesta tappoġġja n-nomina ta’ persuna li tagħmel ġieħ lil Malta.

Intant, f’reazzjoni ghall-vot fil-Parlament Ewropew, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil appella lill-Prim Ministru – permezz ta’ tweet – biex jieqaf ikisser ir-reputazzjoni u isem pajjiżna.

Simon Busuttil appella wkoll lil Joseph Muscat biex ma jibqax għaddej bin-nomina kif qal li se jagħmel minkejja l-vot qawwi kontra Leo Brincat fil-Parlament Ewropew.

kap tweet

Il-vot b’saħħtu tal-Parlament Ewropew kontra n-nomina tal-Prim Ministru Joseph Muscat, dik biex Leo Brincat jinhatar membru fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri, kien wieħed mistenni. Hekk sostna l-Membru Parlamentari Sloven mal-Partit tal-Ħodor, Igor Soltes.

Tkellimna wkoll il-Kap tad-delegazzjoni Maltija fil-Partit Popolari Ewropew David Casa.

Issa jmiss li jew il-Prim Ministru Joseph Muscat jirtira l-kandidatura’ ta’ Leo Brincat jew inkella li n-nomina tiegħu tgħaddi f’idejn il-Kunsill Ewropew.