Lokali

AĠĠORNATA : Ingliż imut wara li ttajjar taħt il-mini tal-Universita’

Ingliż ta’ 30 sena tilef ħajtu kmieni dalgħodu wara li ttajjar minn vettura.

Kien għall-ħabta tas-siegħa, li l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm inċident fi Triq Mikiel Anton Vassalli, Msida u li possibilment intlaqtet persuna.

Il-Pulizija marru minnufih fil-post fejn minn investigazzjoni preliminari rriżulta li raġel Ingliż ta’ 30 sena kien għadu kif intlaqat minn vettura tat-tip Peugeot 508 misjuqa minn raġel ta’ 42 sena residenti Bormla.  Il-vettura kienet qed tiġi misjuqa direzzjoni mill-Imsida lejn Santa Venera.

Fil-post kien hemm ukoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei li ta l-ewwel għajnuna lill-vittma għall-ġrieħi serji li sofra u ittieħed l-Isptar Mater Dei, iżda sfortunatament ir-raġel miet.

Bil-każ ġiet infurmata il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta.

L-investigazzjoni tal-Pulizija mid-Distrett tal-Imsida għadha għaddejja.