Internazzjonali

Arrestati fil-Ġermanja waqt ‘missjoni tal-ISIS’

Il-Ġermanja għaddejja minn aktar tensjoni wara l-arrest ta’ tliet irġiel Sirjani li huma ssuspettati li ntbagħtu fil-pajjiż mill-ISIS biex iwettqu aktar attakki terroristiċi.

L-irġiel arrestati, li għandhom bejn is-17 u s-26 sena, spiċċaw arrestati wara sensiela ta’ rejds mill-Pulizija fl-Istati ta’ Schleswig-Holstein u Sassonja t’Isfel. Madwar 200 uffiċjal tas-sigurtà daħlu jfittxu f’talanqas sitt lokalitajiet, li kienu jinkludu xelters għar-refuġjati.

Il-Ministru għall-Intern Ġermaniż, Thomas de Maiziere, qal lill-ġurnalisti li l-arrestati setgħu kellhom konnessjoni mat-terroristi tal-ISIS li, f’nofs Novembru attakkaw iċ-ċentru ta’ Pariġi, fi Franza, fejn kienu nqatlu jew indarbu l-għexieren tan-nies.

L-investigazzjonjiet, s’issa, jissuġġerixxu li t-tlett irġiel marru l-Ġermanja f’Novembru li għadda, bl-intenzjoni ‘li jwettqu direttiva ddeterminata minn qabel mill-ISIS’. Il-Prosekuturi Ġermaniżi ma jeskludux li s-Sirjani kienu qed jistennew ‘aktar struzzjonijiet’ mingħand kapijiet terroristiċi barra l-Ġermanja, meta sar magħruf ukoll li t-tlieta kien ilhom il-ġimgħat taħt sorveljanza.

Madankollu, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Federali Ġermaniż qal li ma nstabux  provi konkreti ta’ xi missjoni terroristika ġdida fil-Ġermanja. L-awtoritajiet, issa, qed janalizzaw kwantità estensiva ta’ materjal li nħataf matul ir-rejds tal-bieraħ.

Qed jingħad li t-tliet Sirjani arrestati kienu vvjaġġaw mill-Greċja u t-Turkija lejn il-Ġermanja fejn użaw passaporti foloz.

L-investigaturi jemmnu li dawn is-Sirjani kienu ‘voluntiera għall-allegata missjoni tal-ISIS fil-Ġermanja’ u li wieħed minnhom, li għandu 17-il sena, tħarreġ fl-użu tal-armi u l-isplussivi fil-belt ta’ Raqqa, li sservi bħala l-fortizza tal-ISIS fis-Sirja. Skont ir-rapporti, it-tliet arrestati kienu wkoll bil-pussess ta’ telefons ċellulari ‘bi programmi ta’ komunikazzjoni stallati minn qabel’ u kwantità kbira ta’ dollari Amerikani.