Lokali

Filmat: Il-proġett ta’ aċċesssebilità bejn Malta u Għawdex għandu jkun parti minn infrastruttura sħiħa ta’ trasport nazzjonali

Il-proġett ta’ mina bejn Malta u Għawdex m’għandux ikun sempliċiment proġett li jgħaqqad iż-żewġ gżejjer, iżda għandu jkun proġett li jkun parti minn infrastruttura sħiħa ta’ trasport nazzjonali. Dan sostnieh il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt li kien qed jindirizza l-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ organizzat mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.

Simon Busuttil qal li dan il-proġett m’għandux ikun minn ponta sa ponta, iżda, eżempju mir-Rabat Għawdex sal-Belt Valletta jew l-Ajruport, u b’hekk il-mina tkun parti minn proġett ta’ infrastruttura tal-futur. Hu qal li jekk l-affarijiet jibqgħu kif inhu, se jasal żmien fejn ma nkunux nistgħu niċċaqilqu fil-pajjiż, u għalhekk jeħtieġ li nsibu soluzzjoni għal x’għandhom ikunu mezzi alternattivi għat-trasport pubblika f’pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, filwaqt li qal li r-responsabbiltà hija tagħna kollha, sostna li jemmen li proġett bħal dan għandu jiġi studjat bis-serjetà, u dak li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista. Hu fakkar li l-Gvern Laburista ħela tliet snin u nofs meta twaqqaf studju dettaljat li kien beda mill-amministrazzjoni preċedenti. “Tlifna ħames snin minn possibilità li ż-żgħażagħ Għawdxin jaslu Paceville f’anqas minn siegħa, u li Maltin jitilgħu Għawdex mingħajr ma joqgħodu jistennew fil-kju,” qal Simon Busuttil.

Fl-intervent tiegħu, hu tkellem ukoll dwar il-bżonn ta’ riforma kostituzzjonali f’pajjiżna. “Sfortunatament, ninsabu f’sitwazzjoni fejn ċertu elementi tal-Istat mhumiex jiffunzjonaw għaliex l-istituzzjonijiet huma maħtufa. Kif tista’ tafda l-Kummissarju tal-Pulizija li jirrifjuta li jinvestiga l-iskandlu tal-Panama?” staqsa Simon Busuttil. Hu qal li hemm bżonn riforma fil-Kostituzzjoni b’tali mod li l-istituzzjonijiet indipendenti jkunu awtonomi mill-Gvern u għalhekk, kif diġà tħabbar fid-dokument ‘Nibnu Fiduċja Ġdida fil-Politika’, Simon Busuttil qed jiproponi li l-karigi ewlenin tal-pajjiż jiġu eletti b’żewġ terzi tal-Parlament.

Simon Busuttil sostna wkoll li filwaqt li pajjiżna qed joħloq il-ġid, grazzi għad-deċiżjoni li Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea, dan l-istess ġid mhux jitqassam b’mod ġust bejn kulħadd. Hu rrefera għal anzjani li jgħixu b’pensjoni li ma jlaħqux sal-aħħar tax-xahar, u familji oħrajn li ma jkollhomx flus biex jixtru l-mediċina li jkollhom bżonn. Hu laqa’ l-proposti li saru miż-żgħażagħ preżenti u sostna li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jistudja dawn il-proposti li saru miż-żgħażagħ.