L-iskandlu li kixef l-hekk imsejħa Panama Papers mhux se jintesa jew imut kif ġieb u laħaq. Se jibqa’ mazzra ma’ għonq il-Gvern ta’ Joseph Muscat. Għaliex kif jgħid il-Malti “Id-dnub ma jorqodx”. Aktar u aktar meta min wettqu jibqa’ ma jammettix ħtijietu u allura ma jindimx minn dak il-ħażin li jkun għamel. Mhux talli hekk, talli jsib lil ta’ fuqu li jipprova jgħattilu u ma jieħu ebda passi kontrieh.
Il-ġimgħa li għaddiet, dan l-iskandlu reġa’ tqajjem fi Brussel u kompla jniżżel isem pajjiżna fit-tajn anke b’dak li stqarr Leo Brincat li sal-lum għadu Deputat Laburista fil-Parlament Malti u li issa mistenni jsir membru tal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea.
Leo Brincat, biex ma jiħux id-disfatta kbira li ħa qablu Toni Abela li kien nominat minn Joseph Muscat għal din l-istess ħatra, issa li se jkun maħlul minn kull rabta mal-Gvern Laburista Malti, għażel li jgħid affarijiet li ma jippreġudikawx iċ-ċans tiegħu li jkun approvat għall-imsemmija ħatra, imma affarijiet li jkomplu jħammru wiċċ il-Prim Ministru fuq din il-kwistjoni.
Meta mistoqsi dwar il-pożizzjoni tiegħu fuq l-iskandlu tal-Panama Papers u għaliex ivvota kontra mozzjoni ta’ ċensura fuq il-Ministru Konrad Mizzi, Leo Brincat stqarr dak li ħafna konna nafu – li hu ma setax jagħmel mod ieħor għax hekk kienet l-ordni tal-Prim Ministru – għax kellu bilfors jivvota skont il-linja tal-partit u ma kellux il-libertà li jivvota skont il-kuxjenza tiegħu.
Anzi, qal aktar minn hekk. Stqarr li kien hemm żmien qabel il-vot li kien qed jikkunsidra li jirriżenja iżda spiċċa ma ħax dan il-pass. B’dawn l-istqarrijiet Leo Brincat salva ġildu u rnexxielu jgħaddi bl-inqas vot possibbli mill-Kumitat tal-Parlament Ewropew u issa jonqos biss li jkun approvat mill-Assemblea Parlamentari u ma jidhirx li se jkollu problema biex jikseb din l-approvazzjoni.
Iżda filwaqt li salva ġildu, Leo Brincat kompla jorbot il-mazzra ma’ għonq il-Prim Ministru. L-Ewropa kollha issa għandha konferma oħra, mhux minn Simon Busuttil jew mill-MEPs Nazzjonalisti, iżda minn eks-Ministru fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat, li dak li għamlu Konrad Mizzi u Keith Schembri kien skandaluż u ta’ min jistmerru. U aktar minn hekk, li l-Prim Ministru għadu jiddefendi dan l-aġir skandaluż.
Minn hawn u ftit żmien ieħor, il-Ministru Konrad Mizzi u forsi anke Keith Schembri mistennija jissejħu quddiem Kumitat li l-Parlament Ewropew ħatar apposta biex jinvestiga dak li ħareġ mill-Panama Papers. Is-smigħ quddiem dan il-Kumitat se jerġa’ jiftaħ il-pjaga. Isem pajjiżna se jerġa’ jogħdos fil-ħama.
Meta jmorru jixhdu quddiem dan il-Kumitat, Konrad Mizzi u Keith Schembri se jkunu ppressati biex jgħidu l-verità. Hemm mhux se jsibu l-membri parlamentari Laburisti sħabhom li jemmnu bilfors dak li jgħidu huma għax ma jistgħux jagħmlu mod ieħor. Hemm se jsibu quddiemhom nies li m’għandhom ebda rabta mal-Partit Laburista.
U jekk kif hawn ix-xniegħa li jista’ jiġri – iżda jien ma nemminx li dan iseħħ – ma jidhrux personalment quddiem dan il-Kumitat Investigattiv imma jingħataw rappreżentanti jew avukati li jidhru f’isimhom, jew iwieġbu bil-miktub flok jidhru personalment, din tkun daqqa akbar għal pajjiżna għax juru li għandhom il-faħam miblul u mhux kapaċi jaffrontaw lil min irid ifittex il-verità.
Dan kollu qed jiġri ftit xhur biss qabel il-Prim Ministru Joseph Muscat, f’isem pajjiżna kollu kemm hu, jassumi l-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea. Pajjiżna jixraqlu ħafna aħjar minn hekk.