Internazzjonali

Il-Brażil: Jitkeċċa l-eks Speaker tal-Kungress b’konnessjoni ma’ kontijiet sigrieti

 

L-eks-Speaker tal-Kamra t’Isfel tal-Kungress tal-Brażil tilef is-siġġu tiegħu wara li l-kollegi tiegħu, fil-Kungress, ivvutaw bi ħġarhom biex hu ma jiffurmax aktar parti minn din l-istituzzjoni ewlenija.

L-eks-Speaker, Eduardo Cunha, li kellu influwenza kbira fil-Kungress, kien ċaħad li għandu l-miljuni ta’ dollari moħbijin f’kontijiet bankarji fl-Iżvizzera u li jingħad li ġejjin mill-korruzzjoni. Madankollu, l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Żvizzeri żvelat l-eżistenza tal-kontijiet inkwistjoni.

Eduardo Cunha, li qed jitqies bħala protagonista fil-proċess ta’ impeachment fil-konfront tal-eks-President tal-Brażil, Dilma Rousseff, jista’,’il quddiem, jinżamm taħt arrest bħala parti minn investigazzjoni.

Rousseff, li hi membru tal-Partit Soċjalista Brażiljan, tneħħiet minn President ix-xahar li għadda b’konnessjoni ma’ trasferiment ta’ fondi bejn baġit tal-Gvern u ieħor, li hu illegali taħt il-liġi tal-Brażil.

Intant, l-osservaturi politiċi qegħdin jistennew il-pass li jmiss min-naħa tal-eks-Speaker Brażiljan, Cunha. Dan wara li Cunha uża l-aħħar dibattitu jaħraq biex jakkuża lis-sostenituri ta’ Rousseff dwar ‘kampanja vendikattiva u maħsuba fil-konfront tiegħu.’

Fl-istess ħin, il-vot biex jitwarrab Cunha kien qed jitqies bħala ‘kritiku’ għall-kredibbiltà tal-Kungress. Fil-fatt, Cunha kien magħruf bħala ‘l-gwardjan tas-sigrieti’ fil-Kungress fejn għexieren ta’ politiċi (membri) oħra huma wkoll akkużati dwar frodi. Mhux eskluż, sadattant, li Cunha jikkoopera mal-investigaturi li qegħdin janalizzaw skandlu kbir ta’ korruzzjoni li fiha numru sħiħ ta’ fatturi.

Eduardo Cunha anki qed ikun investigat mill-Qorti Suprema tal-Brażil talli, allegatament, aċċetta tixħim ekwivalenti għal miljuni ta’ dollari biex jaċċerta kuntratti għall-entitajiet partikulari mal-kumpanija taż-żejt tal-Istat, Petrobras.

Il-kumpanija Petrobras tinsab fiċ-ċentru ta’ skandlu kolossali li jinvolvi tixħim u forom oħra ta’ pagamenti illegali li swew lill-kumpanija l-ekwivalenti ta’ żewġ biljun dollaru. L-iskandlu, fl-istess ħin, irriżulta fl-arrest ta’ għexieren ta’ politiċi u negozjanti ewlenin.

Numru ta’ negozjanti żvelaw, waqt interrogazzjoni, li huma kienu ħallsu pagamenti, bħala tixħim, lill-eks-Speaker Cunha – bil-pagamenti jispiċċaw iddepożitati fil-kontijiet tiegħu barra l-Brażil.