Il-Kamp Emerġenza Ambjent qal li se jkun qed jiġġieled kull attentat biex jingħalaq l-aċċess għal Manoel Island, peress li l-MIDI “m’għandiex dritt li tagħlaq l-aċċess”.
Nhar is-Sibt li għadda, il-Kamp Emerġenza Ambjent fetaħ l-aċċess billi kisser il-katnazzi ta’ grada li kienet qed tagħlaq l-aċċess għal parti kbira ta’ Manoel Island, fosthom aċċess għax-xatt u l-bajjiet li hemm.
Il-Kamp Emerġenza Ambjent qal li se jkun qed jiġġieled kull attentat biex jingħalaq l-aċċess wara li aktar kmieni, NETnews.com.mt ippubblika ritratti ta’ grada ġdida li twaħħlet mill-MIDI bl-iskop li timblokka l-aċċess għal Manoel Island.
Filfatt, il-MIDI qalet fi stqarrija li se tkun qed tissalvagwardja l-interessi tagħha, f’indikazzjoni li se tkun qed timblokka l-aċċess. Skont il-MIDI, m’hemm l-ebda liġi li tgħid li għandu jkun hemm aċċess minn propjetà privata għax-xatt.
Il-MIDI qalet ukoll li kien hemm rotta oħra li toffri aċċess għall-pubbliku. Qalet ukoll li sar vandaliżmu fuq siti storiċi li hemm fuq Manoel Island.
Iżda l-Kamp Emerġenza Ambjent qed jgħid li l-attivisti kienu attenti li ma jagħmlux ħsara fuq il-gradi. Il-Kamp żied li l-MIDI qed tipprova xxekkel l-impenn tal-attivisti b’gideb u akkużi foloz.
L-aċċess infetaħ mill-Kamp Emerġenza Ambjent flimkien ma’ xi individwi oħra nhar is-Sibt li għadda. Minn dak inhar, għexieren ta’ persuni ħatfu l-opportunità biex imorru jgħumu fil-bajjiet ta’ Manoel Island, bajjiet b’veduti mill-isbaħ tal-Belt Valletta.