Silenzju mill-Korp tal-Pulizija dwar l-iskandlu tal-ħruġ tal-visas mediċi lil-Libjani
Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ma jridx jikkummenta dwar Neville Gafà, il-ħabib tal-Prim Ministru Joseph Muscat li dwaru hemm allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni u abbuż fil-ħruġ tal-visas mediċi għal-Libjani. Irrappurtat dan il-gazzetta In-Nazzjon fil-ħarġa tal-lum.
In-Nazzjon bagħat sensiela ta’ mistoqsijiet lill-Kummissarju tal-Pulizija dwar jekk Neville Gafà hux se jkun qed jitressaq il-Qorti, fid-dawl tal-akkużi serji fil-konfront tiegħu dwar il-mod kif kienu qed jinħarġu l-visas mediċi.
“Ma jkunx prudenti li tingħata aktar informazzjoni ulterjuri,” qaltilna kelliema għall-Korp tal-Pulizija fi tweġibiet għall-mistoqsijiet li bgħatna, fejn fost l-oħrajn staqsejna jekk Neville Gafà hux se jkun qed jitressaq il-Qorti, u jekk iva, taħt liema akkużi.
Fl-iskandlu tal-visas mediċi, qed ikun allegat li Neville Gafà żamm għandu tal-anqas €35,000 b’mod abbużiv minn applikazzjonijiet għall-visas mediċi li ma mmaterjalizzaw qatt.
Sa issa jidher ċar li l-Pulizija mhux se tkun qed tieħu passi fil-konfront ta’ Neville Gafà, minkejja l-allegazzjonijiet li saru dwaru u minkejja evidenza li kienet ippubblikata u li tikkonferma l-involviment ta’ Neville Gafà f’dan l-iskandlu.
Fl-aħħar ta’ Awwissu li għadda, sar magħruf li l-Pulizija kienet temmet investigazzjoni dwar Neville Gafà. Madanakollu l-Pulizija kienet qalet li ma sabet l-ebda evidenza kontra Neville Gafà.
Il-Kummissarju Lawrence Cutajar, li ma jridx jgħid jekk hux se jressaq lil Neville Gafà l-Qorti, kien deskritt mill-Partit Nazzjonalista bħala Kummissarju li l-unika kwalifika tiegħu hija li huwa ħabib tal-Prim Ministru.
Aktar fil-gazzetta In-Nazzjon
//= $special ?>