Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Lussemburgu, Jean Asselborn, sejjaħ biex l-Ungerija tkun sospiża jew anki mkeċċija mill-UE minħabba ‘l-abbuż sostanzjali tal-valuri fondamentali tal-Unjoni’ min-naħa tal-awtoritajiet f’Budapest.
Asselborn irrefera b’mod speċifiku għal kif il-Gvern Ungeriż jittratta lir-refuġjati, waqt li ilmenta dwar l-indipendenza tal-ġudikatura u l-istampa ħielsa fl-Ungerija. Fil-fatt, il-Ministru tenna li ‘l-Ungerija mhix daqshekk ’il bogħod milli toħroġ id-direttivi biex ir-refuġjati f’artu, ’il quddiem, jispiċċaw suġġetti għall-isparaturi’.
Il-Mexxejja tal-UE, nhar il-Ġimgħa, jiltaqgħu fis-Slovakkja biex jiddiskutu l-futur tal-Unjoni.
Intant, Asselborn sostna li ‘l-Ungerija ma tistax tittieħed bis-serjetà’ u li l-UE ‘ma tistax tittollera atteġġjament mhux xieraq bħal ta’ Budapest’.
Hu żied li kull Stat tal-UE li jabbuża l-valuri bażiċi għandu jkun eskluż temporanjament, jew, anki, imkeċċi għal dejjem (mill-Unjoni), f’każ li jkun neċessarju. Dan bħala ‘l-unika possibbiltà li l-Unjoni tipproteġi l-għaqda u l-valuri li ilhom jiffurmaw il-bażi tagħha għal snin’.
//= $special ?>