Ambjent Lokali

Aġġornata: Jinqatlu żewġ Ċikonji Suwed – BirdLife Malta tappella lill-PM biex jissospendi l-istaġun

Diżgustata u diżappuntata hekk kif ilbieraħ inqatlu żewġ Ċikonji, dan qalitu BirdLife Malta filwaqt li appellat lill-PM biex jissospendi l-istaġun tal-kaċċa sal-15 t’Ottubru.

Fi stqarrija BirdLife Malta qalet li żewġ ċikonji Suwed ilbieraħ ġew maqtula u appellat lill-Prim Ministru biex jissospendi l-istaġun fl-eqqel tal-passa biex ikun imħares it-tajr protett.

Hija qalet li lbieraħ kienet ġurnata ta’ ħidma favur il-konservazzjoni tal-għasafar madanakollu l-ġurnata spiċċat kemxejn ħażin hekk kif inqatlu żewġ Ċikonji. Uffiċjali ta’ BirdLife Malta raw b’għajnejhom waħda miċ-Ċikonji tittajjar midruba fuq il-Buskett b’dik li deher li kienet ferita bid-demm fuq sidirha. Eventwalment it-tajra mietet u kienet fil-kustodja tal-pulizija

Skont Birlife din kienet waħda miż-żewġ għasafar li kaċċaturi Għawdxin sparaw fuqhom. Huma qalu li waħda nqatlet u nġabret minn kaċċatur li Birdlife Malta għaddiet id-dettalji tiegħu u l-oħra kompliet tpassi minkejja t-tiri li laqtet. Infatti aktar kmieni ċikonja bajda kienet osservata tpassi b’feriti fuq sidirha.

Il-qtil ta’ dawn iċ-ċikonji qed isegwi l-qtil ta’ Kwakk, Qerd in-Naħal, Tajra Safra u Kuċċarda.

Kelliema għall-Birdlife Malta qalu li dawn il-każi tal-aħħar jiem jindikaw li l-2016 tista’ tkun waħda mill-agħar fl-aħħar snin.

Intant fi stqarrija l-Kaċċaturi San Ubertu u l-FKNK fi stqarrijiet separati kkundannaw il-kaċċa fuq tajr protett u appellaw lill-qrati biex jagħtu l-aktar pini ħorox għal min jinqabad.

Huma appellaw lill-Pulizija biex jieħdu l-passi neċessarji u jinvestigaw bir-reqqa lill-persuna li sparat u ġabret liċ-Ċikonja.

Saħqu li anke jekk ma tinstabx evidenza b’saħħitha, la kien hemm ix-xiehda, jistennew li jixhdu l-Qorti, biex min kiser il-liġi jkun ikkastigat.

Fl-istess ħin il-KSU kkundannaw dak li sejħulu bħala estremiżmu tal-Bird Life Malta, meta talbu biex jingħalaq l-istaġun.

Qalu li anke jekk Bird Life Malta ma jammettux, l-affarijiet kif ukoll il-mentalità tal-kaċċaturi nbidlet u l-kaċċa illegali naqset.

Intant fi stqarrija maħruġa mis-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali ntqal li l-Gvern jgħarraf li l-każijiet ta’ kaċċa illegali li għamlet referenza għalihom il-Birdlife Malta, u dawn qed jiġu investigati mill-Pulizija.

Rigward il-proposta sabiex jiġi sospiż l-istaġun tal-kaċċa il-Gvern qal li dejjem jevalwa u jaġixxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Ornis.