L-aħħar ftehim għal waqfien mill-ġlied fis-Sirja li daħal fis-seħħ matul il lejl tat-Tnejn deher qed ikun, fil-parti kbira, irrispettat mill-ġellieda avversarji. Dan skont ir-rapporti li bdew deħlin kontinwament dwar is-sitwazzjoni.
Il-grupp Syrian Observatory for Human Rights li hu bbażat fir-Renju Unit u li ilu jsegwi l-iżviluppi fis-Sirja qal, sadanittant, li ma rreġistra l-ebda rapporti ġodda dwar ċivili mejtin fl-ewwel 15 il siegħa mindu l-ftehim sar effettiv.
Dan waqt li r-residenti f’Aleppo, li hi waħda mill-ibliet prinċipali tas-Sirja, ukoll irrappurtaw perjodu ta’ kalma fit-tul, wara li kienu ilhom il-ġimgħat suġġetti għall-bumbardamenti u dmija. Fl-istess ħin, l-uffiċjali tan-Nazzjonijiet Uniti qalu li kienu qed jistennew biex iwasslu l-għajnuna liz-zoni Sirjani li ġarrbu l-impatt tal-assedju, iżda biex dan isir huma riedu ‘l-garanziji ta’ paċi aktar konkreti’.
Fil-fatt, kien hemm indikazzjonijiet ta’ attakki mill-qawwiet tal-Gvern Sirjan kif ukoll mir-ribelli fis-Sirja, anki ladarba l-ftehim kien daħal fis-seħħ. Kelliema għas-Syrian Observatory irreferew għal rapporti dwar bumbardamenti fuq villaġġi Sirjani fil-provinċja ta’ Hama u bumbardamenti oħrajn qrib ta’ Damasku.
Min-naħa tagħha, l-Armata leali għall-President Sirjan, Bashar al-Assad, qalet li l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied se tkun appikata madwar is-Sirja fuq sebat ijiem, għalkemm il-qawwiet tagħha ‘jirriservaw id-dritt għal azzjoni deċiżiva’ f’każ li xi grupp armat jabbuża, b’xi mod, il-ftehim.
//= $special ?>