Iż-żmien inessi. Anki fil-ħajja politika. Anzi, fil-politika agħar, għax mhux biss inessi iżda ħafna drabi jwassal ghal reviżjoniżmu storiku. L-istorja terġa’ tinkiteb u dak li kien jidher abjad jiġi jidher iswed u bil-kontra.
Dan il-Gvern hu espert ta’ din is-sengħa maħmuġa. Araw biss x’qed jgħid u x’qal dwar il-qasam tal-enerġija u qabbluh ma’ dak li fil-fatt għamel u wettaq il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern.
Meta tisma’ lill-Ministri tal-Gvern jitkellmu llum taħseb li l-interconnector u l-alternattivi għall-miżbla tal-Magħtab, biex nieħdu eżempju, wettaqhom il-Partit Laburista fil-Gvern, meta l-verità hi bil-kontra. Huma ħadmu kemm felħu kontrihom meta l-PN wellidhom.
L-istess fil-qasam tal-proġetti kapitali. Grazzi għal Victor Camilleri dan l-aħħar in-Nazzjon uriet ħemel proġetti li dan il-Gvern qata’ biss iż-żigarella tagħhom iżda li fil-fatt ġew maħsuba, iffinanzjati, ippjanati u mibdija sew taħt Gvern tal-Partit Nazzjonalista.
Imma l-iskop ta’ dan l-artiklu mhux dan. Xtaqt naqsam ftit ħsibijiet magħkom dwar il-White Paper li l-Ministru tal-Ġustizzja nieda dwar il-qasam tal-medjazzjoni ftit jiem ilu. M’għandi ebda diffikultà ngħid li hu tajjeb li sar dan, u hu tajjeb li l-Ministru qed jara kif iwessa’ u jsaħħaħ iktar il-kunċett tal-medjazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja.
Dan għidtu band’oħra u ngħidu hawn ukoll. Jien ma nemminx li għax ikun hemm xi ħaġa mnedija minn Ministru tal-Gvern li ma naqbilx politikament miegħu, allura bilfors irrid inkun kontra. L-irġulija u l-maturità jitolbu mod ieħor.
Il-medjazzjoni hi għodda tajba u effiċjenti biex innaqsu l-attrit bejn il-partijiet fi kwistjoni u biex innaqsu wkoll il-kawżi fil-Qrati tagħna.
Però, inkun qed nonqos il-verità tal-istorja jekk ma nfakkarx kif kien mexa l-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni meta l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern fl-2003 ħareġ għall-ewwel darba bil-kunċett ta’ medjazzjoni fil-Qrati tagħna.
Għadni niftakar ix-xenati fil-Parlament. Konna ħsibna li kienet ġejja l-apokalissi. Il-biki u t-theżżiż tas-snin tal-membri tal-Oppożizzjoni kienu ta’ barra minn hawn għax il-Gvern Nazzjonalista kellu l-“ardir” jintroduċi l-medjazzjoni fil-Qorti tal-Familja, u iktar tard waqqaf iċ-ċentru tal-Medjazzjoni.
Fit-18 ta’ Diċembru 2003, id-Deputati Laburisti f’dak iż-żmien, l-Avukati Anġlu Farrugia, Gavin Gulia, Anton Refalo u Josè Herrera għamlu konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bini tal-Qorti jikkundannaw lill-Gvern Nazzjonalista għax kien introduċa l-medjazzjoni fil-Qorti tal-Familja.
Kienu ppreżentaw mozzjoni fil-Parlament kontra l-medjazzjoni f’Jannar 2004 u tridu taqraw id-dibattiti biex temmnu li kienu qed jitkellmu kontra l-medjazzjoni u mhux kontra l-invażjoni tal-Iraq tant kemm tmasħnu u bkew biki tal-kukkudrilli. Kemm kitbu artikli fil-gazzetti bl-Ingliż, dawn u deputati oħrajn tal-Partit Laburista, kontra l-medjazzjoni u kemm kellha ġġib rovina u “perikli”.
Issa din l-Oppożizzjoni, immexxija mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, hija ferm differenti u hi motivata biss minn dak li hu sewwa u mhux nimxu skont dak li jaqbel. Jgħidulna li aħna “negattivi” meta issa naslu biex nappoġġjaw u nfaħħru inizjattivi tajbin. Mela x’kienu huma meta għall-istess inizjattivi tefgħu, mill-Oppożizzjoni, ħemel tajn u ħama u żergħu elf dubju fejn ma kienx lokhom?
Il-Partit Nazzjonalista jrid jibqa’ jkun il-vuċi tar-raġuni. Jimxi skont il-konvinżjoni u mhux skont il-konvenjenza. Hawnhekk ukoll il-poplu qed jara differenzi kbar bejn iż-żewġ partiti.