Lokali

It-tifla li ċeda l-blat fuqha għadha fil-periklu tal-mewt

It-tifla ta’ 9 snin li lbieraħ iddaħħlet l-isptar wara li ċeda l-blat fuqha, għadha fil-periklu tal-mewt. Ikkonferma dan kelliem għall-Pulizija dalgħodu.

NETnews.com.mt jinsab infurmat li t-tifla bħalissa tinsab rikoverata fit-Taqsima tal-Kura Intensiva (ITU) tal-isptar Mater Dei minħabba ġrieħi gravi li ġarrbet f’diversi postijiet f’ġisimha, fosthom f’rasha.

Aktar: Tifla l-isptar wara li ċeda blat fuqha

L-inċident seħħ ilbieraħ ftit qabel nofsinhar, meta ċeda għar li hemm fiż-żona tal-Veċċa, bejn ix-Xemxija u San Pawl il-Baħar. Fil-baħar kien hemm żewġt itfal u n-nanna ta’ waħda mit-tfal.

Malli l-blat ċeda, biċċiet tal-ġebel laqtu lil waħda mit-tfal u b’konsegwenza ġarrbet ġrieħi ta’ natura gravi, tant li aktar tard kienet ċertifikata li tinsab fil-periklu tal-mewt.

Ilbieraħ, NETnews.com.mt irrapporta li kienet in-nanna tat-tifla stess li għollietha mill-ilma wara li lemħitha wiċċa ‘l isfel fil-baħar qalb it-terrappien. Imbgħad, it-tifla ttellgħet fuq l-art minn raġel li kien fl-inħawi u li niżel jagħti l-ewwel għajnuna meta ra l-inċident iseħħ. Minn hemm hi ttieħdet l-isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza. In-nanna tat-tifla sofriet grif f’ġisimha, pero ma tteħditx l-isptar.