Matul il-lejl li għadda, persuna jew persuni mhux magħrufa daħlu fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista f’Ħal Tarxien bl-iskop li jisirqu. Il-ħalliel jew ħallelin għamlu ħerba fil-Każin, bl-iskop li jsibu minn fejn jisirqu xi flus.
Fost oħrajn, instabu ħsarat fl-Uffiċċju, fosthom b’ħerba fil-kxaxen u fl-ixkafef fejn hemm il-files, kif ukoll ħsarat f’numru ta’ bibien minfejn il-ħallelin serqu jew ippruvaw jisirqu l-flus. Sgassaw ukoll ‘jukebox’, filwaqt li qalgħu u ħadu magna li tilqa’ d-donazzjonijiet biex minnhom setgħu jieħdu aktar flus.
NETnews.com.mt jinsab infurmat li b’kollox insterqu madwar €1,100 wara li l-ħallelin daħlu fil-Każin mill-bieb tal-gallarija. Huma ppruvaw jaħarbu mill-post mill-bieb prinċipali tal-Każin, iżda jidher li ma rnexxielhomx jagħmlu dan.
Din hi t-tieni serqa fi ftit jiem f’Każini tal-Partit Nazzjonalista, hekk kif ftit tal-jiem ilu saret serqa oħra fil-Każin ta’ Marsaskala.
//= $special ?>