Raġel ta’ 28 sena residenti Marsaskala illum tressaq il-Qorti akkużat b’self b’imgħaxijiet jew qliegħ ieħor li hu iżjed minn dak permess bil-liġi.
Quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, Dustin Caruana kien akkużat li sellef flus b’rata ta’ imgħax eċċessiva għad-danni ta’ Yorick Mallia. Skont sorsi, Caruana qed jitlob ftit iktar minn €100,000 mingħand Mallia. Hu kien akkużat ukoll li f’Ġunju li għadda, ħebb għall-istess Yorick Mallia u kkaġunalu ġrieħi ta’ natura ħafifa u li sar reċidiv.
Caruana wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba mill-ħelsienn mill-arrest minħabba possibilita’ ta’ intralċ ta’ provi sakemm tinstema’ x-xhieda u għall-fatt li diġa’ kien hemm theddid ta’ vjolenza fil-konfront tal-vittmi tal-użura Min-naħa tagħha, id-difiża qalet li r-reat ta’ użura mhux fost l-iktar gravi fil-liġi, aktar u aktar meta l-allegazzjoni ġejjin minn persuna waħda. L-akkużi li qed tistrieh fuqhom il-prosekuzzjoni fuq allegazzjoni ta’ bniedem wieħed li hu maqbud f’dinja fejn jivvinta fuq kollox u li mhux affidabbli. Id-difiża sostniet li kundizzjonijiet imposti mill-Qorti fl-għoti tal-ħelsien mill-arrest jinnewtralizzaw il-biżgħat msemmija mill-Prosekuzzjoni.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €4,000.Il-Qorti mponiet numru ta’ kundizzjonijiet fosthom li Dustin Caruana jiffirma kuljum fl-għassa tal-Pulizija ta’ Raħal Ġdid, ma javviċinax jew ikellem ix-xhieda tal-Prosekuzzjoni. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront ta’ Yorick Mallia u familja tiegħu kif ukoll ordnat l-iffriżar tal-assi tal-akkużat.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Rennie Stivala filwaqt li Dustin Caruana kien assistit mill-Avukat Stephen Tonna Lowell
//= $special ?>