Lokali Qorti

Akkużat li ħebb għall-kunjatu b’ħadida

Raġel ta’ 43 sena imwieled is-Sirja iżda residenti Pembroke, inżamm taħt arrest preventiv wara li tressaq il-Qorti akkużat li ħebb għall-kunjatu tiegħu b’ħadida u kkaġunalu ġrieħi gravi.

Quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, Guan Kandal kien akkużat li t-Tnejn li għadda għall-ħabta tal-5.15p.m. ħebb għal Hagi Ali Hassan li jiġi missier il-mara tiegħu f’Tal-Pieta’ u kkaġunalu ġrieħi gravi u sfreġju f’wiċċu, li kkaġuna ġrieħi ta’ natura ħafifa fuq ħu l-mara, fuq ibnu permezz ta’ sikkina kif ukoll ġrieħi ħfief fuq martu u ommha

Kandal wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li hemm storja twila ta’ argumenti u theddid ta’ vjolenza fil-passat.

Id-difiża sostniet li l-każ kien wieħed ta’ difiża leġittima hekk kif il-mara tal-akkużat kienet ċemplet lil familtha biex iħebbu għalih. L-Avukat difensur qal li l-inċidenti li qed tirreferi għalihom il-prosekuzzjoni hu inċident wieħed li seħħ snin ilu. Barraminhekk, m’hemmx biża ta’ ħarba għaliex Kandal għandu residenza fissa f’Malta u uliedu jgħixu f’Malta.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien għar-raġunijiet tal-prosekuzzjoni. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-mara, il-ġenituri tagħha, ħu l-mara u ż-żewġ ulied tal-akkużat.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Robert Vella filwaqt li l-Avukat Jason Grima deher għall-akkużat Guan Kandal.