BLOGS

Biex inkunu ċari!

Il-festi tal-Indipendenza għall-Partit Nazzjonalista ma jfissrux biss ċelebrazzjoni ta’ anniversarju li hu fost l-aktar, jekk mhux l-aktar avveniment storiku u politiku ta’ importanza, imma jnisslu wkoll sens ta’ appartenenza għal min hu Nazzjonalist jew jimmilita fil-Partit Nazzjonalista.
Din is-sena, l-festi tal-Indipendenza mhumiex biss qed isejħu lin-Nazzjonalisti li tal-anqas darba f’sena jkollhom l-opportunità jkunu parti integrali mill-Partit, imma jidher li se jkunu qed jagħtu bidu għall-kampanja elettorali, anke jekk b’mod informali, li għandha twassal lill-Partit sal-għatba tal-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Jidher li fost il-kamp Nazzjonalista, diġà qiegħed jinħass element ta’ ottimiżmu u dan l-element mhuwiex biss element ta’ passjoni favur il-Partit, imma hu bil-wisq aktar minn hekk. Hu fil-fatt element li fih tinħass kontinwament l-għajta tal-Partit Nazzjonalista biex nirnexxu lkoll flimkien, u dan hu l-għan ewlieni tal-Partit Nazzjonalista jekk jingħata mandat fl-elezzjoni li jmiss.
Għal Simon Busuttil, din hi Malta li jixirqilna, fejn verament inkunu qed inħabbtuha mal-aqwa fl-Ewropa, wegħda li llum waqgħet fuq widnejn torox għax il-Gvern hu b’idejh marbuta jaqdi lil tal-qalba minħabba wegħdiet oħra li ma ssemmewx fil-manifest elettorali tal-‘Malta Tagħna Lkoll’.

Finanzi nodfa
Simon Busuttil għamilha ċara kemm-il darba li ma jemminx fil-klijenteliżmu u saħansitra din, flimkien man-nepotiżmu, kienu l-ewwel attakki tiegħu fil-konfront tal-Gvern Laburista li hekk kif sab ruħu jiggverna, beda jrodd lura lil dawk ‘tar-raba’ sular’ għax kellu u għandu jdejh marbuta.
Għaldaqstant, l-iskema taċ-ċedoli tal-Partit Nazzjonalista li ma kellniex dubju li kienet se tiġġenera interess partikulari, issa misset it-€3 miljun u nistgħu anke nqisuha bħala skema li diġà kienet suċċess.
Aktar mill-flus li l-Partit Nazzjonalista qed jiġġenera bis-saħħa tal-iskema, irridu nirrikonoxxu li din l-iskema se tkun qed tnaddaf lill-Partit Nazzjonalista minn kull attentat ta’ self jixbah lil dak ‘tar-raba’ sular’ (riferenza għan-negozjanti li kienu jiltaqgħu ma’ Joseph Muscat fir-raba’ sular taċ-Ċentru Laburista qabel l-elezzjoni biex magħhom isiru negozjati perikolużi qabel l-elezzjoni – u dan skont Anġlu Farrugia, illum Speaker), u jagħti opportunità denja lill-Partit Nazzjonalista jkun verament dipendenti minn dawk li l-intenzjoni tagħhom biss hi li jkunu qed jinvestu flushom fil-partiti b’intenzjonijiet ulterjuri li jistgħu anke jidhru fil-forma ta’ ‘investiment’ illeġittimu.
Għalhekk, grazzi għall-Partit Nazzjonalista, nistgħu ngħidu li għandna l-ewwel partit politiku li hu verament interessat fis-serjetà finanzjarja, u irrispettivament ta’ li qed jingħad mill-Partit Laburista, l-iskema taċ-ċedoli issegwi l-liġi tal-finanzjament tal-partiti li daħħal dan il-Gvern stess għaliex il-Partit Nazzjonalista b’din l-iskema hu korrett kif jistenna l-poplu Malti miż-żewġ partiti politiċi.

Il-vot le għal Leo Brincat
Il-korrezzjoni politika titlob li l-politiċi Maltin ikunu akkontabbli u fid-dmir li jieqfu quddiem il-korruzzjoni, dak li Leo Brincat m’għamilx matul il-ġimgħat li fihom il-Partit Nazzjonalista flimkien mal-maġġoranza tal-poplu kien qed jitlob lill-Gvern biex jieħu azzjoni kontra Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Kien mistenni li politiċi serji, anke fil-kamp Laburista, jivvutaw favur il-mozzjoni kontra l-Gvern fl-isfond tal-akbar skandlu lokali, imma Leo Brincat approva l-korruzzjoni.
Għalhekk, il-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) ma vvutax favur Leo Brincat biex jinħatar bħala membru fil-Qorti tal-Awdituri għaliex vot favur ma jkun qed ifisser xejn ħlief approvazzjoni għall-każ tal-Panama u kif ġie affrontat mill-Gvern. Dan, għaldaqstant, jikkonferma kemm hu serju l-każ kollu tal-Panama, u li f’Malta, u għall-Gvern, donnu xejn mhu xejn.
Il-Partit Nazzjonalista għandu dmir lejn ir-reputazzjoni Maltija, u ma jistax ikun li jmejjel rasu għal dan quddiem l-ikbar istituzzjoni Ewropea: il-Parlament. Hawn min jargumenta li għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna l-Membri Parlamentari Ewropej Maltin għandhom juru solidarjetà bil-vot tagħhom, imma qatt u qatt meta l-vot tagħhom ikun qed jikkonferma l-korruzzjoni!

Il-verità u s-sewwa jirbħu
Jekk il-Partit Nazzjonalista m’għandu xejn, għandu t-tarka tal-verità li tikkontradixxi għal kollox l-attitudni ta’ dan il-Gvern, li hi fil-maġġoranza skorretta u xxaqleb lejn l-ineżattezzi.
Il-Partit Nazzjonalista jinsab lest għall-elezzjoni, tasal meta tasal għax fi tliet snin u nofs, il-Gvern ta’ Joseph Muscat naqas milli jonora l-wegħdiet tiegħu: it-trasparenza, il-meritokrazija u l-akkontabbiltà, u għalhekk il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Simon Busuttil hu opportunità biex Malta tkun aħjar, biex f’Malta nirnexxu lkoll flimkien abbażi tal-verità u l-korrezzjoni politika li jitolbu minn pajjiżna finanzjament serju u rispett lejn ir-reputazzjoni ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Dan hu x’jagħmel lill-Partit Nazzjonalista potenzjalment il-Gvern li jmiss, u dawn huma l-karatteristiċi li jagħmlu lil Simon Busuttil, potenzjalment il-Prim Ministru tal-leġiżlatura li jmiss.