Il-falliment ta’ Leo Brincat milli jikseb l-appoġġ tal-Parlament Ewropew għan-nomina ta’ membru fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri hu tort tar-ras iebsa ta’ Ministru wieħed li baqa’ ma rriżenjax fl-iskandlu tal-Panama Papers. Saħaq dan fuq Facebook, il-Professur John Baldacchino, li hu Direttur fl-Istitut tal-Arti fl-Università ta’ Wisconsin-Madison fl-Istati Uniti.
Il-ġurnal The Times of Malta kkwotat dak li kiteb Baldacchino, li kien ċar fil-kritika tiegħu. Hu tefa’ t-tort fuq il-Ministru Konrad Mizzi li, bil-pożizzjoni tiegħu, baqa’ jtappan isem pajjiżna anke wara l-falliment ta’ Toni Abela fin-nomina għall-istess kariga.
Il-Professur Baldacchino saħaq li Konrad Mizzi poġġa lil sieħbu f’pożizzjoni antipatka għax Leo Brincat qal li ma kellux għażla ħlief li jivvota mal-Gvern fil-Mozzjoni ta’ Sfiduċja fil-Ministru Mizzi.
Reazzjonijiet oħrajn kienu tal-Professur Lino Briguglio u ta’ Dr George Vital Zammit, Lecturer fl-Università ta’ Malta. Lino Briguglio qal li jekk il-Gvern ikompli jibgħat politiċi jew membri tal-Kabinett, minflok nies esperti fis-suġġett, ikun qed jistieden diżastru.
Min-naħa tiegħu, George Vital Zammit qal li l-vot fil-Parlament Ewropew kien imbarazzanti għall-pożizzjoni Maltija. Tenna li l-Kunsill Ewropew irid joqgħod attent kif jipproċedi wara dan il-vot għax il-Parlament Ewropew hu l-unika istituzzjoni Ewropea eletta demokratikament mill-popli Ewropej.
George Vital Zammit saħaq li l-Gvern għandu juri aktar rispett lejn l-istituzzjonijiet Ewropej. Semma’ kif is-sitwazzjoni personali ta’ Leo Brincat u ta’ Toni Abela kienu imbarazzanti anke għalihom personali għax it-tnejn kienu laħqu rriżenjaw mill-karigi li kienu jokkupaw f’pajjiżna.
//= $special ?>