Bl-iskandlu tal-Panama, l-Prim Ministru Malti Joseph Muscat irnexxielu jgħaqqad lil kulħadd flimkien kontra tiegħu. Hu ċar li l-vot tal-bieraħ kontra l-iskandlu tal-Panama ma kienx biss tal-Partit Popolari Ewropew, iżda anke tas-Soċjalisti, tal-Kommunisti, tal-Liberali, tal-Ħodor u anke tal-Konservattivi.
F’kummenti lill-ġurnalisti, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li Muscat għamel ħsara kbira għaliex insista li jibgħat quddiem il-Parlament Ewropew bniedem li hu assoċjat mal-iskandlu kbir ta’ korruzzjoni tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama. Leo Brincat kien ivvota favur Konrad Mizzi, minkejja li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien wissieh biex joqgħod attent x’se jagħmel bil-vot tiegħu fil-Parlament Malti.
Simon Busuttil għamel appell lill-Prim Ministru biex ma jibqax jagħmel ħsara lil isem pajjiżna, u qal li qed joffri d-disponibilità sħiħa tiegħu u tal-Oppożizzjoni, biex jekk ikunu kkonsultati u jkun hemm qbil fuq kandidat li jkun denju li jixraq lil pajjiżna, jassigura li juża l-influwenza sħiħa tiegħu fl-Unjoni Ewropea biex dan il-kandidat jiġi approvata bħala membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista nsista li Muscat m’għandux jidħol fil-Presidenza tal-Unjoni Ewropea b’Keith Schembri u Konrad Mizzi mgħażżra ma’ għonq pajjiżna.
//= $special ?>