Għawdex Lokali

Front Favur il-Mina jaqbel mal-proposta li għamel il-Kap tal-PN Simon Busuttil

Front Favur il-Mina, jaqbel ma’ dak li qal il-Kap tal-PN Simon Busuttil ilbieraħ fil-Parlament waqt is-seduta taż-Żgħażagħ fil-Parlament organizzata mill-KNŻ. Huwa qal li l-problemi u l-isfidi li għandhom x’jaqsmu mal-komunikazzjoni tat-trasport Nazzjonali jeħtieġ li jiġu indirizzati bi pjan fit-tul. Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwar il-proposta għal proġett Nazzjonali li joffri infrastrutura ġdida li toħloq sistema ġdida ta’ trasport.

Simon Busuttil ippropona proġett nazzjonali ta’ sistema ta’ trasport taħt l-art. Hu spjega din il-proposta hekk kif kien qed jitkellem dwar l-aċċesibilita’ bejn Malta u Għawdex. Spjega kif hi realta’ li l-Għawdxin għandhom bżonn ta’ aċċess aktar faċli biex jivjaġġaw lejn Malta u anke vice versa. Semma’ kif madwar 5 snin ilu kien l-ex Ministru Chris Said li kien ħareġ bil-proposta ta’ min taħt l-art bejn Malta u Għawdex. Kien anke inbeda studju preliminari u anke studju dettaljat dwar din il-proposta iżda kien twaqqaf kollox qal il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Simon Busuttil sostna li minn naħa tiegħu irid jara aċċessibilta’ aħjar mhux biss bejn Malta u Għawdex imma madwar il-pajjiż kollu. Għalhekk semma’ l-proposta ta’ proġett nazzjonali ta’ sistema ta’ trasport taħt l-art.

Il-Front qal li jaqbel ma’ din it-tip ta’ proposta u jemmen li mhux biss ikun jista’ jitnaqqas it-traffiku imma jkun ta’ benefiċċju wkoll għall-Għawdxin l-aktar dawk li jaħdmu jew jistudjaw Malta. Skont studju li twettaq madwar 4.6 miljun passiġier fis-sena jaqsmu l-fliegu ta’ bejn Malta u Għawdex.